L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dawn is-siltiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann huma parti mid-diskors li San Ġwann jagħti; diskors twil li Ġesù jgħid qabel ma tibda l-passjoni tiegħu, dak il-jum li aħna nafuh bħala Ħamis ix-Xirka. Ġesù qed jispjega lid-dixxipli tiegħu li hemm ukoll vantaġġi b’dak li ser jiġri fuqu; ovvjament is-salvazzjoni tagħna. Din is-silta tal-Evanġelju titkellem ukoll dwar l-opportunità ta’ Ġesù, li huwa u jirritorna lejn il-Missier, ikun jista’ jibgħat lid-Difensur.

Id-‘Difensur’ huwa isem ieħor li Ġesù jagħti lill-Ispirtu s-Santu. Il-kelma bil-Grieg hija paraclete, l-Ispirtu Paraklitu; bil-Latin huwa advocātus. Dak li inti ssejjaħ biex ikun miegħek issejjaħlu advocātus, u huwa dak li jiddefendiek, id-difensur. Dak li jagħtik il-parir biex teħles minn min jixtieq jew iwaddbek il-ħabs jew jagħsrek. Hu jitkellem ukoll dwar l-effetti tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ir-rebħa fuq id-dinja hija r-rebħa ta’ verità. Ġesù jitkellem dwar dnub. Ħafna drabi nitkażaw b’xulxin minħabba d-dgħufija tagħna, anke tagħna s-saċerdoti, minħabba d-dnubiet tad-dugħfija u tal-fraġilità tagħna. Imma Ġesù jitkellem fuq id-dnub, l-iżjed radikali, jgħid: “Ma jemmnux fija” (Ġw 16:9). Għax il-Mulej jafna u jaf minn xiex aħna mgħaġunin. Imma li ma tafdahx u ma temminx fih, huwa ħajt kbir li inti tellajt f’qalbek, f’ruħek u f’ħajtek.

“Jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed” (Ġw 16:10). Ġesù din isejħilha ‘ġustizzja’. Imma x’jiġifieri? Kelma oħra għall-ġustizzja hija ‘fedeltà. Ġesù se jgħaddi minn dan il-passaġġ, minn din id-dinja għal għand il-Missier, passaġġ li għalih ifisser tbatija ħarxa; mewt tal-ikbar mistħija, imdendel fuq salib. Imbagħad il-qawmien tiegħu mill-imwiet, permezz ta’ dan il-passaġġ, ta’ din il-mogħdija, huwa qed juri l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħu quddiem il-Missier.       

“Il-ġudizzju, filli l-prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat” (Ġw 16:11). L-ewwel nett meta anġlu jieħu deċiżjoni, għaliex huwa spirtu, hija deċiżjoni li torbtu. Id-deċiżjonijiet tagħna mhumiex perfetti, tant hemm kundizzjonamenti u sitwazzjonijiet, li jneħħu ħafna mill-gravità ta’ dak li nwettqu. Imma fl-anġli mhux hekk. Infatti, Ġesù stess jgħid li fl-infern hemm in-“nar ta’ dejjem, tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu” (Mt 25:41). Ħalqu Alla, għaliex huma rrifjutaw li joqogħdu għal min ħalaqhom. Il-prinċep ta’ din id-dinja jgħallem lid-dinja dwar is-suppervja, il-gidba, il-mibegħda, u l-għira. Għaliex? Għaliex dan kollu? Għax Alla ħalaqna xbieha tiegħu. Ix-Xitan tant jobogħdu lil Alla li ma jistax ma jobgħodx lill-bnedmin, għax il-bnedmin huma xbieha ta’ Alla. Immaġina; inti tħobb persuna u għandek ritratt tagħha, għalik ir-ritratt ta’ dik il-persuna huwa għażiż, ix-xbieha ta’ dik il-persuna hija għażiża għalik. Hekk ukoll il-bniedem huwa xbieha ta’ Alla. Min jobgħod lill-bniedem, qed jobgħod lil Alla, għax il-bniedem huwa xbieha ta’ Alla. Aħna ħafna drabi qisna ritratt ta’ Alla, xi kultant imgerfex, xi kultant ikollu bżonn naqra photoshop, ritratt naqra mgeżwer mhux ħażin; imma Alla bil-ħniena tiegħu, lil din ix-xbieha li ħalaq hu stess, iħenn għaliha u jġibha sabiħa.

Aħna u nixxenqu biex ngħixu taħt id-dell ta’ dan id-difensur, li Ġesù qalalna permezz ta’ din il-mogħdija tiegħu, mill-ħajja, l-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Aħna u nixxenqu għall-Ispirtu s-Santu, nitolbuh biex ix-xbieha ta’ Alla fina tkun dejjem sabiħa; li min jiltaqa’ magħna jgħid: veru bniedem dgħajjef, veru bniedem midneb, imxandar, imma huwa xbieha ta’ Alla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 16:22-34
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,7ċ-8
Evanġelju: Ġw 16:5-11