• Għal jum il-Milied, il-Kurja tal-Arċisqof inbidlet f’post ta’ wens. Għat-tielet sena konsekuttiva, Caritas Malta, f’isem il-Knisja f’Malta, fetħet idejha għal dawk il-persuni li m’għandhom lil ħadd ma’ min iqattgħu dan iż-żmien ta’ festi u ferħ.

    Grazzi għal Caritas Malta u għall-voluntiera tagħha, aktar minn 400 persuna attendew għall-ikla tal-Milied.

    Il-kurituri tal-Kurja nbidlu f’sala kbira tal-ikel: intramaw l-imwejjed, is-siġġijiet, it-tapit l-aħmar, il-platti u l-posati, il-fran u anke tpoġġew l-borom fuq in-nar.

    Kull min attenda għall-ikla, malli daħal fil-bieb tal-Kurja ngħata tazza ċikkulata sħuna u l-ikel tal-ġurnata kien jinkludi platt soppa, majjal il-forn bil-patata u anke deżerta.

    Il-preparamenti għal din l-ikla jibdew sa minn kważi tliet xhur qabel u fost il-100 voluntier li din is-sena taw sehemhom biex l-ikla ssir possibbli, kien hemm ukoll ir-residenti ta’ Caritas li bħalissa qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga.

    Għall-ikla tal-Milied jingħaqdu wkoll il-persuni li qed jingħataw kenn minn Caritas Malta u li qed jgħixu f’Dar Papa Franġisku u f’Dar Maria Dolores.

    Kull min jixtieq jgħin lil Caritas Malta jista’ jċempel fuq 2590 6600 jew jibgħat imejl fuq [email protected].