Fl-okkażjoni tal-55 sena ta’ servizz lejn dawk l-aktar fil-bżonn, Caritas Malta se tniedi wirja ta’ kwadri bl-akwarelli mill-artist magħruf John Martin Borg flimkien mat-tifla tiegħu Claire. 

Il-wirja bit-titlu – In the Heart of Spring, minbarra li hija ċelebrazzjoni ta’ dan l-istaġun glorjuż, it-titlu jirrelata wkoll mal-ħidma ta’ Caritas Malta li ġabet rebbiegħa ġdida fil-ħajjiet ta’ ħafna individwi tul dawn l-aħħar 55 sena. 

Għalkemm il-missier u bintu wrew ix-xogħlijiet tagħhom f’diversi wirjiet ta’ arti, din hija l-ewwel darba li se jesebixxu wirja kompluta flimkien bix-xogħlijiet tagħhom. 

Il-wirja tikkonsisti f’madwar 35 kwadru bl-akwarelli, li se tkun qed tittella’ fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun. Din se tkun ta’ opportunità wkoll għal dawk li qatt ma attendew f’dan iċ-ċentru fil-komunità li ġie inawgurat f’Novembru li għadda. 

It-tnedija ta’ din il-wirja se ssir nhar il-Ġimgħa 21 ta’ April u se tkun miftuħa għall-pubbliku ġenerali kif ġej:

  • Is-Sibt 22 ta’ April mis-6.30pm sad-9pm 
  • Il-Ħadd 23 ta’ April bejn id-9.30am u n-12.30pm. 

Aspett interessanti hija taħdita li l-artist John Martin Borg se jagħti dwar ix-xogħlijiet artistiċi spiritwali tiegħu li se jkunu esebiti f’din il-wirja ta’ arti. Il-kwadri li se jitkellem dwarhom huma relatati mal-ħidma ta’ Caritas Malta fis-soċjetà Maltija. Din it-taħdita se ssir nhar is-Sibt 22 ta’ April fis-7pm fejn wara wieħed ikun jista’ jżur il-kwadri li se jkunu esposti fl-istess ċentru.