L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm kelma li fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jirrepetiha tliet darbiet. Jgħid: “ishru”. Dan id-diskors hu parti minn diskors itwal li għamel Ġesù, li jiġi eżatt qabel il-Passjoni skont San Mark, u fi tmiem ta’ dan id-diskors twil, jgħid dik is-sentenza: “dak li qed ngħid lilkom, qed ngħidu għal kulħadd: ishru.”

X’jiġifieri tishar? Aħna bil-Malti għandna l-kelma ‘sahra’ li tfisser taħdem overtime. Imma “ishru” hawnhekk tfisser li naħdmu aktar, bis-sahra? U għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù jiġi proprju llum, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, meta aħna fl-Avvent inħarsu lejn il-ġrajja tal-Milied – preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Milied li saret tant snin ilu? Hawnhekk Ġesù mhux qiegħed jgħid li aħna naħdmu bis-sahra. Insibu t-tweġibiet għal dawn id-domandi tagħna proprju fit-talba li għedna fil-bidu tal-quddiesa, meta għedna: “bl-għemejjel tajba tagħna niltaqgħu ma’ Kristu li ġej”. L-Avvent hu ż-żmien ta’ preparazzjoni li twassalna għaċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Milied li saret tant snin ilu; imma l-Avvent hu wkoll il-preparazzjoni tagħna għat-tieni miġja ta’ Kristu. Għalhekk “niltaqgħu ma’ Kristu li ġej”.

Dan ifisser li aħna nishru; ifisser, kif qal Ġesù hawnhekk, aħna noqogħdu għajnejna miftuħa; li nagħrfu naqdu r-responsabbiltajiet tagħna b’mod tajjeb illum, għax aħna qegħdin f’dil-mixja li għandha twassalna f’dar il-Missier u fl-istess waqt nistennew it-tieni miġja ta’ Ġesù. Għalhekk ‘nishru’ jfisser li aħna ma norqdux meta suppost imqajmin; li aħna nkunu għajnejna miftuħa. Għax jista’ jiġri – u dan Ġesù spjegah kemm-il darba – li aħna ngħixu aljenati, distratti. Mhux biss kultant b’affarijiet ħżiena imma anke b’affarijiet tajbin, li fihom infushom tajbin imma li jistgħu jtellfuna milli ngħixu dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja. Għalhekk “nishru” jfisser li nkunu għajnejn miftuħa, li ma ngħixux aljenati. Dan ġara proprju tant snin ilu; meta naqraw ir-rakkont tal-Milied, hekk ġralhom in-nies fi żmien Ġesù. Huma kienu għaddejjin bil-ħajja tagħhom u ma għarfux il-miġja tiegħu, ma laqgħuhx meta ġie. Għalhekk lilna jridna li aħna nkunu attenti b’għajnejna miftuħin.

“Nishru” jfisser li nkunu għajnejn miftuħa, li ma ngħixux aljenati.

Hemm ħaġa importanti wkoll f’din il-kelma “ishru”. Tfisser li aħna nagħrfu ngħixu bl-aħjar mod il-mument ta’ issa. Kultant jiġrilna li ngħixu l-passat, nhewdnu fuq il-passat, speċjalment fuq xi esperjenzi ħżiena tal-imgħoddi; jew inkella ngħixu bi preokkupazzjoni kbira għall-futur. Dawn jiġu b’mod naturali, imma ma għandhomx itellfuna milli ngħixu l-mument ta’ issa. “Nishru” tfisser li ngħixu l-mument ta’ issa, mhux ngħixu dejjem qisna qegħdin fil-passat, jew b’qalbna ttaqtaq u bi preokkupazzjoni kbira għall-futur; imma li nagħrfu ngħixu l-mument ta’ issa, għax dan hu l-mument li Alla jagħtina. U meta ngħixuh tajjeb, inkunu qed nippreparaw ruħna u allura qatt ma nkunu qalbna mtaqqla jew bil-biża’. Anzi, il-ħsieb li aħna mexjin lejn dar il-Missier għandu lilna jġib l-istess paċi li nħossu, l-istess sentimenti sbieħ li nħossu, meta niftakru tant snin ilu meta ġie fostna. Il-ġrajja tal-Milied tqanqal fina ħafna sentimenti sbieħ, u l-istess għandha tkun din il-preparazzjoni tagħna għal meta niltaqgħu ma’ Alla, imma hu jrid li ngħixu l-mument ta’ issa u b’mod tajjeb.

L-aħjar mod kif ngħixu l-mument ta’ issa jagħtihulna l-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija. Hemm dik is-sentenza tal-aħħar tant sabiħa, meta hu jgħid b’talba: “Mulej, int missierna. Aħna t-tafal, int il-fuħħari u aħna lkoll għemil idejk.” Jekk aħna ngħixu dan il-ħsieb u nħallu lil Alla jiffurmana – bħalma l-fuħħari jifforma t-tafal – allura jkun l-isbaħ mod kif aħna nippreparaw ruħna għall-miġja ta’ Kristu li ġej. Meta ngħidu li jiffurmak, jiffurmana Alla speċjalment meta niltaqgħu miegħu fil-ħin tat-talb. Hemmhekk inħalluh jiġi fina, biex jgħinna ngħixu l-kelma tiegħu, jifforma anke r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, biex aħna nistmaw lill-oħrajn bħala xbieha tiegħu; jifformana anke fil-valuri tiegħu, il-valuri li hu jixtieq li ngħixu. Dan hu l-mod kif aħna nippreparaw ruħna, kif irid il-Mulej, billi fil-mument ta’ issa nħallu lill-Mulej kontinwament jifformana hu ħalli aħna nkunu tassew opra sabiħa tiegħu. 

Nitolbuh f’dan l-Ewwel Ħadd tal-Avvent biex aħna nippreparaw ruħna tajjeb, inħallu lilu jifformana bħalma l-fuħħar jifforma t-tafal, u b’dan il-mod inkunu nistgħu nagħmlu dawk l-għemejjel tajba li jħejjuna biex niltaqgħu ma’ Kristu li ġej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju