L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Tolqotna ħafna fl-Evanġelju kif id-difetti, in-nuqqasijiet, u d-dnubiet ta’ dawk qrib ta’ Ġesù, tat-tnax, narawhom, u narawhom mhux darba jew tnejn, imma diversi drabi. Tolqotna għax dawn il-persuni kienu l-bidu tal-Knisja, u min kiteb l-Evanġelju, flok għatta, iċċensura, in-nuqqasijiet u d-difetti tagħhom, semmiehom – u kull darba aħna niftakru fihom.

Bla ħabi

Niftakru speċjalment, meta ċċelebrajna l-Passjoni ta’ Ġesù, fiċ-ċaħdiet ta’ Pietru – Pietru, il-kap tal-Knisja. Kull darba niftakru kif hu ċaħad lill-Mulej waqt il-Passjoni. U hawnhekk ukoll fl-Evanġelju tal-lum. L-ewwel nett għandna lid-dixxipli mbeżżgħa, bil-bibien magħluqa. Dawn mingħajr Ġesù, tħawdu. Kienu mbeżżgħa u ma kellhomx il-kuraġġ ikomplu. Imbagħad għandna lil Tumas l-appostlu. Dan, minkejja li aktar tard mar ixandar l-Evanġelju anke f’postijiet imbiegħda, imma baqa’ b’din it-tikketta “Tumas li ma emminx”. Dan għaliex dakinhar li Ġesù Rxoxt deher lid-dixxipli hu ma kienx hemm; imbagħad huma, kollhom ferħana, qalulu “rajna l-Mulej”. Hu qalilhom: jekk jien ma narax b’għajnejja u mmiss b’idejja, jien ma nemminx. 

Aħna ngħidu “Tumas li ma emminx”. Imma proprjament mhux ma emminx lil Ġesù. Ma emminx lill-appostli, ma qagħadx fuq il-kelma tagħhom, u għalhekk qalilhom li jrid jara b’għajnejh u jmiss b’idejh.

Swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna

San Girgor il-Kbir għandu riflessjoni sabiħa ħafna fuq din is-silta. Jgħid hekk: “Tumas l-appostlu, li kien hekk tqil biex jemmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mill-appostli l-oħra li emmnu”. U jispjega għaliex. Għax bis-saħħa tiegħu, nafu li għal darba darbtejn Ġesù deher fost id-dixxipli, ħaj, u lil Tumas qallu: Ejja ara issa. Tista’ tmiss il-pjagi u tara li jiena hu. Għalhekk bis-saħħa ta’ Tumas li ma emminx, aħna nistgħu nissaħħu fil-fidi tagħna.

Dan speċjalment fil-mument tad-dgħufija tal-fidi tagħna, u meta qisna nfittxu li niggranfaw ma’ affarijiet li jidhru. Kultant nagħmluha din, anke fil-ħajja tagħna reliġjuża. Innutaw, pereżempju, tidħol fi knisja u hemm Ġesù Ewkaristija preżenti. Imma kultant, jekk ikun hemm statwa li tibda b’xi mod tiċċaqlaq, diversi nies imorru dritt lejn l-istatwa għax qed tiċċaqlaq. Ukoll jekk hemm Ġesù preżenti hemmhekk. Aħna qisna nkunu rridu xi ħaġa li narawha b’għajnejna u mmissu b’idejna. Għalhekk hemm din it-tendenza fina.

Meta niftakru f’din il-ġrajja, lilna tgħinna biex bis-saħħa ta’ Tumas l-appostlu, aħna ma nippruvawx infittxu dak li naraw u dak li nistgħu mmissu b’idejna fil-fidi tagħna, imma ngħidu miegħu dik l-istqarrija sabiħa tal-fidi: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”.

Din hi l-iktar stqarrija ta’ fidi qawwija fl-Evanġelju. Tumas ra lil Ġesù, imma ma qalx biss: dan hu Ġesù li qam mill-mewt! Imma: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Ma qalx biss: dan hu l-Imgħallem, li għallimna ħafna affarijiet sbieħ; jew: dan hu l-Messija li kienu jistennew il-poplu ta’ Iżrael. Qal aktar minn hekk: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Ara x’għajnuna kbira għalina fil-fidi tagħna!

Henjin dawk li ma rawx u emmnu

Hu ta’ għajnuna wkoll għalina l-kliem li qallu Ġesù. Għax Ġesù qallu: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Żieda mal-beatitudnijiet li qal, meta qal min hu hieni. Qed jgħid għalina, għax aħna wkoll ma rajniex; meta aħna niltaqgħu hawnhekk għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, aħna ma narawhx lil Ġesù kif nistgħu naraw lil xulxin. Imma nemmnu li huwa hu, nemmnu li dak Ġesù hu l-Mulej. Għalhekk lilna qed jgħidilna henjin. U qed iħeġġiġna biex tassew inkun henjin u nagħrfu li aħna henjin, għax avolja ma rajniehx, aħna qgħadna fuq il-kelma tal-Knisja, fuq il-kelma tal-appostli li ġiet minn dak iż-żmien, u emminna li Ġesù hu l-Mulej.

San Girgor il-Kbir iżid ħaġa oħra. Jgħid: meta Ġesù qal “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”, qed jgħid il-fidi li mhux biss nistqarru bil-fomm imma li ngħixu bl-azzjoni, fil-prattika tal-ħajja tagħna. Din hi importanti, bħalma jgħid San Ġakbu: il-fidi urihieli mill-għemil tiegħek. Importanti li l-fidi ma tkunx li nistqarru ħaġa, imma nagħmlu l-kontra ta’ dak li nistqarru. Il-fidi rridu nuruha proprju bl-għemil tagħna, u hemm inkunu tassew henjin, aħna li ma rajniex imma emminna.

Bil-pjagi tiegħu ksibna l-fejqan tagħna

Ħaġa li tolqtok f’dan l-Evanġelju hi li meta Ġesù jidher lid-dixxipli, u hawn b’Tumas magħhom, għandu l-pjagi. Il-pjagi huma sinjal tal-vjolenza, tal-mibegħda, tat-tbatija li hu sofra fil-passjoni u l-mewt tiegħu, imma wkoll tal-imħabba u l-ħniena tiegħu. Hemmhekk, fil-pjagi naraw tassew l-imħabba u l-ħniena tiegħu lejn kull wieħed u waħda minna.

Għalhekk hu importanti li, kif qalilna li nagħrfuh fil-bnedmin ħutna, nagħrfu lill-Mulej illum fil-pjagi tal-umanità. Li jfisser dawk li huma bil-ġuħ, bil-għatx, dawk li huma morda, dawk li huma waħedhom, dawk li qed ibatu minħabba l-vjolenza u l-gwerra – niftakru b’mod speċjali fil-poplu tal-Ukrajna bħalissa, u anke poplu oħra bħal tas-Sirja, tal-Libanu, tal-Jemen, u popli oħra wkoll li forsi ma nisimgħux fuqhom imma li għaddejjin minn tbatija, u nieqfu magħhom fil-pjagi tagħhom. Dak hu li jistedinna Ġesù meta jgħidilna: ejjew missu l-pjagi tal-umanità biex hemmhekk twasslu tassew l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk hi tassew sabiħa l-ħidma li saret f’dawn l-aħħar jiem biex mal-poplu li qed ibati, il-poplu tal-Ukrajna, li għaddej minn din it-tbatija, aħna nieqfu ma’ dawn in-nies. Hemmhekk qed naraw il-pjagi tal-umanità. Hu dal-mod kif għandna nagħmlu: nieqfu ma’ min qed ibati.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħrfuh bħala l-Mulej u Alla tagħna, bħalma hi l-istqarrija ta’ San Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Nitolbuh biex nissaħħu f’din il-fidi, imma ngħixuha fil-prattika, u speċjalment ngħixuha bl-opri tal-ħniena, billi nieqfu mal-bnedmin illum u nagħrfu l-pjagi tal-umanità llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju