L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li f’dan ir-rakkont, li nsibuh biss fl-Evanġelju skont San Ġwann, jolqotna kif il-miraklu li jagħmel Ġesù ma’ dan il-bniedem li twieled agħma jieħu biss ftit versi. Il-bqija tar-rakkont hu pjuttost investigazzjoni ta’ dak li sar.
Nixtieq insemmi tliet punti, fost il-ħafna li hemm fl-Evanġelju tal-lum, li huma ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna.
Lil Ġesu jinteressah il-ġid tal-bniedem sħiħ
L-ewwel nett, lil Ġesù jinteressah il-ġid tal-bniedem sħiħ. Għal Ġesù, il-fatt li dal-bniedem ma setax jara kien ifisser li hemm bżonn li jgħinu biex jibda jara. Fl-Evanġelju narawh li hu jieħu l-inizjattiva – l-agħma ma setax jarah u jitolbu jgħinu, u ħadd ma ressqu lejn Ġesu. Hekk kif jilmħu, Ġesù mal-ewwel imur biex jgħinu u jgħidlu x’irid jagħmel biex jibda jara.
Imma barra minn hekk, Ġesù kien jinteressah li lil dal-bniedem jgħinu aktar milli jkollu d-dawl f’għajnejh. Ried li jgħin lil dal-bniedem biex jara aktar fil-fond, jara bl-għajnejn tal-fidi.
Tolqotna ħafna li Ġesu jinteressah il-bniedem sħiħ għax xi nies oħra li hemm fir-rakkont kien moħħhom f’ħaġa oħra. Id-dixxipli, meta raw lil dal-bniedem agħma, l-ewwel ma staqsew kien jekk dan il-bniedem hux agħma għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu. Riedu jsibu ta’ min kien tort. Din diġa hija stramba għax kif jista’ jkun li dal-bniedem agħma “dineb hu” u għalhekk sar agħma, meta kien agħma minn twelidu! Imma huma kienu moħħhom biex jaraw min dineb, ta’ min kienet il-ħtija. Ħafna mill-Fariżej, mill-banda l-oħra, kien jinteressahom prinċipalment il-fatt li Ġesù fejjaq f’Jum is-Sibt. Dik kienet il-problema għalihom.
Aħna llum nagħrfu kemm Ġesù hu dejjem dak li jista’ jagħtina d-dawl veru, għax hu jinteressah il-ġid tal-bniedem sħiħ. Hu jinteressah il-ġid tagħna, tal-ħajja kollha tagħna.
Żewġ doni kbar
Jolqotna wkoll f’dan l-Evanġelju kif dan il-bniedem kien rikonoxxenti lejn Ġesù li tah żewġ doni kbar: l-ewwel li jiġi jara, għax ma kienx; imma wkoll li bil-mod il-mod skoprieh bħala l-Mulej.
Fil-fatt naraw kif il-fidi żviluppat f’dan l-agħma proprju mill-kliem tiegħu. Għall-bidu jirreferi għal Ġesù bħala “wieħed raġel” (Ġw 9:11). Iktar tard jgħid “dan profeta” (Ġw 9:17). Imbagħad jgħdi li “dan ġej mingħand Alla” (Ġw 9:33), u fl-aħħar jagħrfu bħala l-Mulej, u jgħid “nemmen, Mulej” (Ġw 9:38), filwaqt li jinżel għarkupptejh quddiemu. Ġesù jsaħħaħ il-fidi ta’ dan l-għama.
Din hi l-bidla li saret: mhux biss li ma kien jara xejn mit-twelid u jispiċċa jara, imma wkoll li ma kienx jaf b’Ġesù u jispiċċa jqimu bħala l-Mulej.
Lilna wkoll din tgħinna fil-ħajja tagħna. F’ħajjitna nistgħu dejjem niskopru aktar lil Ġesù bħala l-Mulej. Hemm differenza nqisuhx bħala “wieħed raġel”, li għamel il-ġid, għamel mirakli, għallem ħafna affarijiet sbieħ, imma figura tal-passat; jew li nqisuh bħala l-Mulej li hu ħaj illum, u li għandu jmexxina fil-ħajja tagħna u jagħtina d-dawl li neħtieġu. Din hi mixja li nagħmlu fil-ħajja tagħna li tgħinna biex nissaħħu fil-fidi tagħna.
Baqa’ sod fil-verità
Dan ir-raġel kien lest li jbati għall-verità. Kien lest li jbati minn dawk li għamlu pressjoni fuqu biex jgħid xi ħaġa differenti, u pressjoni wkoll fuq il-ġenituri tiegħu. Imma kien lest li jbati. San Pawl, fl-Ittra lill-Efesin, jgħid li “frott id-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità” (Ef 5:9).
Dal-bniedem baqa’ jgħid il-verità anke meta keċċewh ’il barra mis-sinagoga. Kien rikonoxxenti lejn Alla u dal-bniedem, li ma kienx jara minn twelidu, flok sab fost il-Fariżej min jifhmu u jifhem il-bidla li seħħet fih, u jifraħ li issa qed jara, spiċċa mkeċċi mis-sinagoga.
Imma dal-bniedem kien lest li jbati basta jibqa’ jgħid il-verità. Dan hu messaġġ importanti għalina li joħroġ proprju li aħna nagħrfu lil Ġesù bħala d-dawl li lilna jurina l-verità: Ġesù li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Ma nkunux lesti li naħbu l-verità imma li nuruha b’mod sħiħ u nkunu lesti nbatu għal dak li hu veru, għal dak li hu tajjeb, għal dak li hu ġust.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem ikollna d-dawl fil-ħajja tagħna, u aħna dejjem nagħrfu lilu bħala d-dawl li jdawwal lil ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju