Il-Papa Franġisku qal li hemm erba’ passi li għandhom jittieħdu mal-immigranti:”nilqgħuhom, nakkumpanjawhom, nippromwovuhom u nintegrawhom”. Fil-kummenti tiegħu mal-ġurnalisti abbord it-titjira papali li kienet se tieħdu lura l-Vatikan mill-Bahrain, il-Papa qal li l-kwistjoni tal-migrazzjoni teħtieġ soluzzjonijiet konkreti.

Mistoqsi dwar il-grupp ta’ elf persuna li ġew salvati mill-NGOs imma ma tħallewx jiżbarkaw fl-Italja, hu appella biex kull persuna li tkun qed tfittex l-ażil tiġi milqugħha, akkumpanjata, promossa u integrata fis-soċjetà rispettiva tagħha biex verament tħossha sigura filwaqt li appella lill-Unjoni Ewropea biex tikkordina aħjar il-wasliet ta’ dawn il-persuni fost l-Istati Membri.

Il-Papa rrefera għall-Baħar Mediterran bħala ċimiterju u fakkar fl-eks Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel li kienet sostniet li l-problema tal-migrazzjoni mill-Afrika tista’ tissolva biss fl-Afrika.

“Imma jekk naħsbu fl-Afrika bil-ħsieb li nisfruttawha, huwa loġiku li l-persuni jaħarbu mill-kontinent,” stqarr il-Papa.

“Ninsabu f’nofs gwerra dinjija oħra”

Il-Papa kkonferma li tkellem darbtejn mal-President tal-Ukrajna Volodymr Zelenskyy fuq it-telefon u li m’għandux problema li jmur Moska biex jitkellem mal-President Russu Vladimir Putin.

Madanakollu, il-Papa qal li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov irringrazzjah għal dan il-ġest imma “li mhuwiex neċessarju għalissa”.

Hu sostna li meta jiddeskrivi “t-turment” li qed tgħaddi minnu l-Ukrajna u l-krudeltà tar-Russja mhuwiex qed iwaħħal it-tort fil-poplu Russu imma fis-suldati Russi li jaraw il-gwerra bħala “avventura”.

Il-Papa sostna li ninsabu f’nofs gwerra dinjija oħra għax il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja hija gwerra dinjija oħra bħalma kienu dawk bejn l-1914 u l-1918 u l-1939 u l-1945.

Żied li huwa fatt li meta imperu jibda jidgħajjef, ifittex gwerra biex isaħħaħ ruħu u anke jbigħ aktar armi.

“Għaliex illum nemmen li l-akbar kalamità ta’ din id-dinja hija l-industrija tal-armi u xi ħadd qalli li kienu nieqfu nipproduċi l-armi għal sena, insolvu l-ġuħ fid-dinja,” stqarr il-Papa b’sens ta’ dispjaċir.

Sors: Newsbook.com.mt