L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bil-Malti għandna qawl li jgħid: “Min jitwieled tond ma jmutx kwadru”. Qisna rridu nfissru li l-bniedem ma jinbidilx, li l-forma li tieħu fit-twelid jew meta tkun għadek żgħir ħafna – il-forma fil-karattru – tibqa’ hemm ħajtek kollha. Huwa veru li l-bniedem jiġi ffurmat mill-bidu, anzi mill-ġuf jiġi ffurmat, u ċerti karatteristiċi ta’ meta nkunu għadna żgħar nibqgħu bihom tul is-snin. Imma l-kelma ta’ Ġesù llum tgħidilna li l-bniedem jista’ jinbidel, jista’ jiġġedded. U jista’ jinbidel bil-qawwa ta’ Alla.

Għalhekk, hu u jitkellem ma’ Nikodemu – li mar billejl għaliex anke jekk kien għaref, ried ikun jaf, jistaqsi, jifhem aktar x’qed jiġri – lil Nikodemu jgħidlu: jeħtieġ titwieled mill-ġdid. U jispjegalu: “jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid ma jistax jara s-saltna ta’ Alla”. Nikodemu ma setax jifhem għall-bidu, għax f’moħħu beda jara minn barra kif jista’ bniedem jitwieled mill-ġdid: x’jiġiferi terġa’ titwieled mill-ġdid? Nikodemu kien jara l-affarijiet minn barra, is-sinjali minn barra, u għalhekk ħaseb li trid terġa’ titwieled fiżikament. Imma Ġesù wrieh li mhux hekk qed jifhem meta jgħid “titwieled mill-ġdid”, imma titwieled mill-ġdid “mill-ilma u l-Ispirtu”, jiġifieri ġej minn Alla dan it-twelid ġdid.

Aħna, bil-magħmudija tagħna, twelidna mill-ġdid “mill-ilma u l-Ispirtu”. Proprju fil-magħmudija aħna dħalna f’din is-saltna ta’ Alla. Ħafna minna konna għadna żgħar, żgħar ħafna; ħaduna l-ġenituri, għax riedu jagħtuna l-aqwa ġid, l-isbaħ u l-aħjar, minn meta għadna żgħar ħafna, u daħħluna f’din is-saltna ta’ Alla permezz tal-Magħmudija. Imbagħad meta kbirna, permezz tal-Konfermazzjoni, ikkonfermajna l-għażla tal-ġenituri u komplejna wkoll, fil-ħajja tagħna, nikkonfermaw dan.

Hija bidla fil-qalb li Alla jġib tassew fina jekk aħna nħalluh.

Li jrid ifakkarna Ġesù hu li dan it-twelid ġdid jibqa’ magħna tul il-mixja tal-ħajja tagħna, jekk aħna naċċettaw li Alla jibdilna. Mhux aħna li nibdlu lilna nfusna, imma hu Alla li jibdilna. Mhux aħna li nsalvaw lilna nfusna, imma hu Alla li jsalvana. Kultant, meta jgħaddu s-snin, ikollna d-diffikultà li kellu Nikodemu: jekk issa tkun xjaħt, kif tista’? Meta għaddew tant snin, kif tista’ tinbidel? Imma Alla jfakkarna li bil-qawwa tiegħu dan jista’ jsir. Il-bidla li jġib fina mhijiex bidla sempliċiment għal wiċċ in-nies, jew xi ħaġa li tidher minn barra biex qisek tidher li bdilt u ma tkun bdilt xejn, imma hija bidla fil-qalb li Alla jġib tassew fina jekk aħna nħalluh.

L-iżball li nagħmlu kultant hu li nirraġunaw – tismagħha din – ‘jien hekk magħmul!’ Qisu aħna għandna xi forma li dħalna fiha meta konna żgħar u bqajna fiha. Ġieli tismagħha, pereżempju, ‘jien hekk magħmul, nitkellem ħażin’, jew ‘jien hekk magħmul, nisbel, jitilgħuli malajr’.  Proprjament hu żball li ngħidu ‘jien hekk magħmul’. Li nistgħu ngħidu hu: jien hekk sirt, u nista’ nsir differenti jekk inħalli lil Alla jibdilni. Imma jrid ikolli r-rieda li nħalli lil Alla jibdilni. Ma għandniex nirrassenjaw ruħna ‘hekk magħmul’, imma Alla lest li jibdilna, jagħtina l-grazzja ta’ twelid ġdid, dejjem bil-qawwa tiegħu.

Nikodemu mar għand Ġesù billejl, fid-dlam. Mar ifittex id-dawl fid-dlam, u f’Ġesù sab id-dawl. Nitolbuh il-grazzja li aħna wkoll f’Ġesù nsibu d-dawl u l-qawwa li neħtieġu fil-mixja ta’ ħajjitna, biex aħna nitwieldu mill-ġdid u hekk inkunu tassew kif iridna Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju