• ***

    Direttur: Tom Ford

    Atturi: Amy Adams, Jake Gyllenhaal, Michael Shannon, Aaron Taylor-Johnson, Isla Fisher, Armie Hammer, Laura Linney, Andrea Riseborough u Michael Sheen

    Ħin tal-Film: 116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Susan Morrow tmexxi b’suċċess gallerija tal-arti ġewwa Los Angeles. L-ideat tagħha kienu  jipprovokaw u jixxukkjaw lil dawk li jmorru jaraw hekk imsejħin opri ta’ arti. Susan tgawdi suċċessi kbar, iżda l-ġid li kellha kien frott tan-negozju tar-raġel tagħha Walker. Sfortunatament  ma kienitx tant ferħana miegħu minħabba li moħħu kien biss fin-negozju. Jum wieħed, tirċievi manuskritt ta’ novella miktuba minn Tony, l-ewwel raġel li kellha. Tony xtaq li jkun kittieb iżda Susan qatt ma emmnet li seta’ jkun. Riżultat ta’ dan, ħass ruħu nkapaċi u dgħajjef. Susan ukoll maż-żmien, bl-attidini tagħha weġġgħatu darbtejn serjament tant li ħallietu biex issa tinsab miżżewwġa ma’ Walker. Meta Walker siefer għat-tmem il-gimgħa, bdiet taqra l-ktieb. Id-diretur tal-film, Tom Ford,  jiddrammatizzah bħala triler drammatiku li jwassal fi tmiem traġiku. Il-ġrajja tlaqqgħana ma’ Tony li jieħu lill-martu Laura u l-bintu India għal vaganza li teħodhom f’naħat remoti ħafna fid-deżert fil-Punent ta’ Taxas. Fil-vjaġġ jiġu tterrorizati  minn grupp ta’ tliet żgħażagħ li jispiċċaw jaħtfu liż-żewġ nisa u jabbandunaw lil Tony fid-deżert. Wara ftit taż-żmien ġew ifittxuh iżda ma sabuhx. Tony b’mod jew ieħor jirnexxielu jikkomunika mal-awtorita’ li mill-ewwel bdiet investigazzjoni taħt it-tmexxija ta’  Stetson. Disgrazzjatament, l-istorja tieħu xejra drammatika għall-aħħar b’effett diżastruż fuq Tony. Hekk kif Susan tkompli taqra l-manuskritt, tibda tirrifletti fuq il-karattru ta’ min kitbu, l-eks-żewġha. X’effett kien sejjer ikollu fuq il-ħajja tagħha?  Biex tkompli tħawwad ħajjitha, Susan tiddeċiedi li tikkomunika ma’ Tony li hi bdiet tippersonafikah ma’  Tony fil-manuskritt. Kienet għaqlija minnaħa tagħha li tagħmel dan meta hi stess bdiet tintebaħ li l-istorja kienet sejra twassal għal vendetta b’riżultat traġiku?

    Film psikologiku hu taħt id-driezzjoni ta’ Tom Ford u msejjes fuq novella miktuba fl-1993 minn Austin Wright bl-isem ta’ Tony and Susan. Minħabba xeni ta’ vjolenza, vendetta, kliem goff u nudita’ kif ukoll it-tema tal-film, jkun tajjeb li l-film udjenza matura.