L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Għandna din l-istorja ta’ tnejn min-nies, il-fariżew u l-pubblikan, li t-tnejn kienu nies li jemmnu. It-tnejn kienu jemmnu f’Alla u għalhekk marru t-tempju. Imma Ġesù, meta jgħid din l-istorja u jqabbel it-tnejn, jurina l-attitudni differenti fit-talb u fil-qalb ta’ dawn it-tnejn.

Il-fariżew fit-tempju jirringrazzja lil Alla – imma ħlief l-ewwel kelma, ma jirringrazzjax lil Alla għall-ġid li għamel miegħu, ma jersaqx lejh bi gratitudni. Imma jitkellem fuqu nnifsu. Imur quddiem Alla biex jiftaħar b’dak li għamel. Kważi kważi jrid li Alla jgħidlu prosit għal dak li għamel. Għandu t-talb tiegħu kollu ċċentrat fuqu nnifsu. Mhux biss. Għax qalbu mimlija bih innifsu, ma għandux spazju għall-oħrajn, u lejn l-oħrajn iħares b’disprezz – jien m’iniex bħal dawk, jien m’iniex bħal dak il-pubblikan.

Imbagħad hemm xi ħadd ieħor fit-tempju, il-pubblikan, li jersaq lejn Alla b’umiltà u jgħidlu: O Alla, ħenn għalija, għax jiena midneb. Dan il-pubblikan għaraf id-dnub tiegħu, in-nuqqasijiet tiegħu, imma għaraf kemm Alla hu Alla li jħobb, li jaħfer u jħenn. Ma jmurx quddiem Alla biex jiftaħar bid-dnubiet tiegħu jew biex jiġġustifika ruħu ta’ dak li għamel imma biex jitolbu ħniena: O Alla, ħenn għalija, għax midneb.

Alla jħobbni mhux għax jiena tajjeb imma għax hu tajjeb. Bl-imħabba tiegħu jgħinni nagħraf id-dnubiet tiegħi, in-nuqqasijiet tiegħi, jaħfirhomli, jippurifikani.

Għalhekk Ġesù jgħid: minn dawn it-tnejn, min mar id-dar iġġustifikat? Il-pubblikan, għax hu li għaraf tassew min hu Alla – Alla li jħobb.

Għaraf xi ħaġa tant importanti anke għalina llum: Alla jħobbni mhux għax jiena tajjeb imma għax hu tajjeb. Bl-imħabba tiegħu jgħinni nagħraf id-dnubiet tiegħi, in-nuqqasijiet tiegħi, jaħfirhomli, jippurifikani. Quddiemu jiena nkun iġġustifikat minnu, mhux minni nnifsi. Għalhekk, meta jimlieni bl-imħabba tiegħu, qalbi tkun mimlija mħabba, u nħares lejn l-oħrajn mhux b’disprezz, jew b’kundanna jew b’ġudizzju – għax il-ġudizzju hu f’idejn Alla – imma nħares lejhom bl-istess ħarsa ta’ mħabba li biha Alla jħares lejna.

Nitolbuh din il-grazzja: li aħna nersqu lejn Alla dejjem b’fiduċja fl-imħabba u fil-ħniena tiegħu, b’għarfien ukoll tad-dnubiet u n-nuqqasijiet tagħna. Ngħidulu din it-talba sabiħa ta’ dan il-pubblikan: O Alla, ħenn għalija, għaliex midneb. Imlieli qalbi bl-imħabba tiegħek u għinni biex mal-oħrajn naqsam din l-imħabba tiegħek.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju