“Quddiem l-għajta tal-ġuħ – kull xorta ta’ “ġuħ” – ta’ tant ħutna f’kull rokna tad-dinja, ma nistgħux nibqgħu spettaturi indifferenti u kalmi.  L-aħbar ta’ Kristu, ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, titlob impenn ġeneruż ta’ solidarjetà mal-foqra, mad-dgħajfin, ma’ tal-aħħar, ma’ min m’għandux min jiddefendih.  (Il-Papa Franġisku, Angelus, 29 ta’ Lulju 2018)

F’kull parroċċa f’Malta, nhar is-Sibt 25 u l-Ħadd 26 ta’ Ġunju li ġej, se ssir ġabra speċjali sabiex tgħin lill-Papa Franġisku jkompli jgħin lill-persuni fil-bżonn f’kull rokna tad-dinja u jkompli jmexxi l-Knisja.

X’inhu l-Obolo ta’ San Pietru?

L-Obolo ta’ San Pietru huwa l-isem li jingħata lill-għajnuna finanzjarja offruta mill-Kattoliċi lill-Qdusija Tiegħu l-Papa bħala sinjal tas-sehem tagħhom fit-tħassib tas-Suċċessur ta’ Pietru għall-ħafna bżonnijiet differenti tal-Knisja Universali u għall-għajnuna tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

L-għan tal-Obolo ta’ San Pietru

Il-kontribuzzjonijiet lill-Obolo ta’ San Pietru sabiex jgħinu fil-missjoni universali tal-Papa, jinqasmu f’żewġ modi: fil-finanzjament tal-ħafna attivitajiet ta’ servizz imwettqa mill-Kurja (eż. formazzjoni tal-kleru, komunikazzjoni, promozzjoni tal-iżvilupp uman integrali, edukazzjoni, ġustizzja, eċċ.) u kif ukoll mill-bżonnijiet materjali ta’ djoċesijiet foqra, istituti reliġjużi f’diffikultajiet serji (foqra, tfal, anzjani, emarġinati, refuġjati u migrant, vittmi ta’ gwerer u diżastri naturali.

Ġabriet speċjali oħra għall-Qdusija Tiegħu l-Papa jsiru fil-Jum Dinji tal-Missjoni, iċċelebrat kull sena fil-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar ta’ Ottubru, u l-ġbir annwali għall-Art Imqaddsa fil-Ġimgħa l-Kbira.

Aktar dettalji jinkisbu minn fuq il-website tal-Vatikan dwar l-Obolo ta’ San Pietru.