Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, fl-aħħar parti tiegħu, jirrakkonta li l-Evanġelju jkompli bil-mixja ħafifa tiegħu mhux biss fuq l-art imma wkoll fuq il-baħar, fuq ġifen li jwassal lil Pawlu priġunier minn Ċesarija lejn Ruma (ara Atti 27:1-28:16), fil-qalba tal-Imperu, biex isseħħ il-kelma tal-Irxoxt: “Tkunu xhieda tiegħi […] sa truf l-art” (Atti 1:8). Aqraw il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli u taraw kif l-Evanġelju, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jasal għand il-ġnus kollha, isir universali. Ħuduh f’idejkom. Aqrawh.

It-tbaħħir sa mill-bidu jħabbat wiċċu ma’ kundizzjonijiet xejn favorevoli. Il-vjaġġ isir perikuluż. Pawlu hu tal-fehma li m’għandhomx jibqgħu jbaħħru, imma ċ-ċenturjun ma tahx widen u qagħad iktar għal dak li qalulu l-kaptan u sid il-ġifen. Il-vjaġġ ikompli u jinqala’ riħ hekk qawwi li l-baħrin tilfu l-kontroll u ħallew il-ġifen imur għal riħu.

Meta l-mewt dehret fuq l-għatba u kulħadd kien qalbu maqtugħa, Pawlu jaqbeż fin-nofs u jagħmel il-qalb lil sħabu billi jgħidilhom dak li għadna kemm smajna: “Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesri; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw’” (Atti 27:23-24). Imqar fit-tiġrib, Pawlu ma jieqaf qatt ikun ħarries tal-ħajja tal-oħrajn u jqawwilhom qalbhom bit-tama.

Il-Maltin huma twajba, huma ġentili, huma akkoljenti, diġà sa minn dak iż-żmien.

Hekk Luqa jurina li l-pjan li jmexxi lil Pawlu lejn Ruma mhux biss tal-Appostlu jsalva l-ħajja, imma anki ta’ sħabu fil-vjaġġ, u n-nawfraġju, minn sitwazzjoni ta’ diżgrazzja, jinbidel f’opportunità providenzjali biex jitħabbar l-Evanġelju.

Wara n-nawfraġju, jaslu fuq il-gżira ta’ Malta, li n-nies tagħha jagħtuhom merħba mill-aqwa. Il-Maltin huma twajba, huma ġentili, huma akkoljenti, diġà sa minn dak iż-żmien. Tinżel ix-xita u t-temp hu kiesaħ, u huma jqabbdu ħuġġieġa biex jaraw li n-nawfragi jkollhom xi ftit tas-sħana u tas-serħan. Hawn ukoll Pawlu, dixxiplu veru ta’ Kristu, jaqbad jagħmel xi ħaġa biex ikebbes in-nar b’xi zkuk. Waqt li jkun jagħmel dan, tigdmu lifgħa imma ma tiġrilu ebda ħsara: in-nies, meta raw dan, qalu: “Imma dan ir-raġel bilfors li xi bniedem ħażin ħafna la salva mill-għarqa u spiċċa migdum minn lifgħa!” Kienu qed jistennew il-waqt li jaqa’ għal mejjet fl-art, imma ma tiġrilu ebda ħsara u saħansitra jibdew jaħsbuh – flok xi qattiel – xi alla. Fir-realtà, dan il-ġid jiġi minn Kristu Rxoxt li jagħtih l-għajnuna, skont il-wegħda li għamel qabel tela’ s-sema u li hi għal kull min jemmen: “Jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt, ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mk 16:18). L-istorja tgħid li minn dakinhar ma baqax iżjed lifgħat f’Malta: din hija l-barka ta’ Alla għall-akkoljenza ta’ dan il-poplu hekk qalbu tajba.

Il-Papa waqt l-Udjenza Ġenerali

Fil-verità, il-waqfa f’Malta ssir għal Pawlu l-okkażjoni t-tajba biex “ilaħħam” il-kelma li jħabbar u hekk iħaddem ministeru ta’ ħniena fil-fejqan tal-morda. U din hija liġi tal-Evanġelju: meta dak li jemmen, jagħmel esperjenza tas-salvazzjoni, ma jżommhiex għalih waħdu, imma jaqsamha mal-oħrajn. “Il-ġid minnu nnifsu dejjem għandu t-tendenza li jixtered. Kull esperjenza awtentika ta’ verità u ta’ ġmiel waħidha tfittex li titwessa’, u kull persuna li tgħaddi minn ħelsien profond tikseb sensibbiltà ogħla quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 9). Nisrani “mġarrab” żgur mhux forsi jista’ jħossu aktar qrib ta’ min qed ibati għaliex jaf x’inhi t-tbatija, u jista’ jiftaħ qalbu u jkun sensibbli għas-solidarjetà lejn l-oħrajn.

Pawlu jgħallimna ngħixu t-tiġrib billi nintrassu iżjed ma’ Kristu, biex nimmaturaw fina l-“konvinzjoni li Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkustanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti” u ċ-“ċertezza li min joffri ruħu u jingħata lil Alla bi mħabba, żgur sa jagħmel il-frott” (ibid., 279). L-imħabba dejjem hi għammiela, l-imħabba ta’ Alla dejjem hi għammiela, u jekk int tħalli lill-Mulej jinqeda bik u tilqa’ d-doni mingħand il-Mulej, hekk tkun tista’ tqassamhom lill-oħrajn. Dejjem tmur lil hemm mill-imħabba lejn Alla.

Illum nitolbu lill-Mulej jgħinna ngħixu kull prova, sostnuti mill-enerġija tal-fidi; u biex inkunu sensittivi għal tant nawfragi li jaslu għajjiena mejta fuq il-kosta tagħna, biex aħna wkoll nagħrfu nilqgħuhom b’dik l-imħabba ta’ aħwa li tiġi mil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Dan hu li jsalvana mill-bruda tal-indifferenza u min-nuqqas ta’ umanità.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard