Il-Katekeżi tal-Papa

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-katekeżi tal-lum hija intonata mal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda bejn l-Insara. It-tema ta’ din is-sena, li hi dik tal-ospitalità, ġie żviluppata mill-komunitajiet ta’ Malta u Għawdex, fuq is-silta tal-Atti tal-Appostli li tirrakkonta l-ospitalità li n-nies ta’ Malta wrew ma’ San Pawl u sħabu tal-vjaġġ, li spiċċaw nawfragati flimkien miegħu. Proprju għal dan l-episjodu rriferejt xahrejn ilu.

Ejjew mela nerġgħu lura għall-esperjenza drammatika ta’ dak in-nawfraġju. Il-ġifen li fuqu kien qed jivvjaġġa Pawlu kien qed iħabbatha mal-elementi. Kienu ilhom erbatax-il jum fuq il-baħar, mitluqin għal riħhom, u billi la x-xemx u lanqas il-kwiekeb ma kienu jidhru, il-vjaġġaturi ħassewhom diżorjentati, mitlufa. Il-baħar taħthom kien qed iħabbat bil-qilla kollha mal-ġifen u huma beżgħu li dan kien se jitfarrak taħt il-qawwa tal-mewġ. Mill-għoli kienu milquta mir-riħ u mix-xita. Il-qilla tal-baħar u tat-tempesta kienet hekk qawwija u indifferenti għad-destin tal-baħħara: kienu iżjed minn 260 ruħ!

Imma Pawlu, li jaf li mhuwiex hekk, jitkellem. Il-fidi tgħidlu li ħajtu hi f’idejn Alla, li qajjem lil Ġesù mill-mewt, u li sejjaħ lilu, Pawlu, biex iwassal il-Vanġelu sa truf l-art. Il-fidi tiegħu tgħidlu wkoll li Alla, skont dak li wera Ġesù, huwa Missier mimli mħabba. Għalhekk Pawlu jdur fuq sħabu tal-vjaġġ u, imnebbaħ mill-fidi, iħabbrilhom li Alla mhux sa jħalli li mqar tintilef xagħra waħda minn rashom.

Din il-profezija sseħħ meta l-ġifen jinkalja fuq il-kosta ta’ Malta u l-passiġġiera kollha jaslu l-art qawwijin u sħaħ. U hemm daqu xi ħaġa ġdida. F’kuntrast mal-vjolenza qalila tal-baħar f’tempesta, jirċievu x-xhieda tal-“ħlewwa liema bħalha” tan-nies tal-gżira. Dawn in-nies, li għalihom kienu barranin, jidhru attenti għall-ħtiġijiet tagħhom. Iqabbdulhom in-nar biex jisħnu, joffrulhom kenn mix-xita u l-ikel x’jieklu. Imqar jekk għadhom ma rċivewx l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu, juruhom l-imħabba ta’ Alla f’għemejjel konkreti ta’ ħlewwa. Fil-fatt, l-ospitalità spontanja u l-ġesti ta’ għożża jwasslu xi ħaġa mill-imħabba ta’ Alla. U l-ospitalità tal-Maltin titħallas lura bil-mirakli ta’ fejqan li Alla jwettaq permezz ta’ Pawlu fuq il-gżira. Għalhekk, jekk in-nies ta’ Malta għall-Appostlu kienu sinjal tal-Providenza ta’ Alla, huwa wkoll kien xhud tal-imħabba ħanina ta’ Alla għalihom.

Għeżież, l-ospitalità hi importanti; u hija wkoll virtù ekumenika importanti. Qabelxejn tfisser li nagħrfu li l-Insara l-oħra huma tassew ħutna fi Kristu. Aħna aħwa. Xi ħadd jgħidlek: “Imma dak Protestant, dak Ortodoss…”. Iva, imma aħna aħwa fi Kristu. Mhuwiex att ta’ ġenerożità f’direzzjoni waħda biss, għax meta nospitaw lill-Insara l-oħra nkunu nilqgħuhom bħala don li qed jingħata lilna. Bħall-Maltin – bravi dawn il-Maltin – aħna nirċievu ħlas lura, għax nirċievu dak li l-Ispirtu s-Santu żera’ f’dawn ħutna, u dan isir don għalina wkoll, għax l-Ispirtu s-Santu wkoll jiżra’ l-grazzji tiegħu ma’ kullimkien. Li nilqgħu Nsara ta’ tradizzjoni oħra jfisser qabelxejn nuru l-imħabba ta’ Alla għalihom, għaliex huma wlied Alla – ħutna –, u barra minn hekk inkunu nilqgħu dak li Alla wettaq f’ħajjithom. L-ospitalità ekumenika titlob id-disponibbiltà li nisimgħu lill-oħrajn, billi nkunu attenti għall-istejjer personali tagħhom ta’ fidi u lejn l-istorja tal-komunità tagħhom, komunità ta’ fidi bi tradizzjoni oħra differenti minn dik tagħna. L-ospitalità ekumenika titlob minna x-xewqa li nagħrfu l-esperjenza li Nsara oħra jagħmlu ta’ Alla u l-istennija li nirċievu d-doni spiritwali li joħorġu minnha. U din hija grazzja, li niskopru dan hija grazzja. Jiġuni f’moħħi ż-żminijiet tal-imgħoddi, art twelidi ngħidu aħna. Meta kienu jiġu xi missjunarji Evanġeliċi, grupp ċkejken ta’ Kattoliċi kienu jmorru jaħarqulhom it-tined. Hekk le: din mhix ħaġa Nisranija. Aħna aħwa, aħna lkoll aħwa u għandna nuru ospitalità ma’ xulxin.

Illum, il-baħar li fuqu nnawfragaw Pawlu u sħabu għadu post perikuluż għall-ħajja ta’ baħħara oħra. Fid-dinja kollha għandna migranti rġiel u nisa li qed jaffrontaw vjaġġi riskjużi biex jaħarbu mill-vjolenza, biex jaħarbu mill-gwerra, biex jaħarbu mill-faqar. Bħal Pawlu u sħabu jġarrbu l-indifferenza, l-ostilità tad-deżert, tax-xmajjar, tal-ibħra… Tant drabi ma jħalluhomx jiżbarkaw fil-portijiet. Imma, b’xorti ħażina, xi drabi jiltaqgħu anki ma’ ostilità agħar minn hekk min-naħa tal-bnedmin. Jiġu sfruttati minn traffikanti kriminali: illum! Jiġu ttrattati bħala numri u bħala theddida minn xi mexxejja ta’ gvernijiet: illum! Xi drabi n-nuqqas ta’ ospitalità bħal mewġa jobżoqhom lejn il-faqar u l-perikli li minnhom ikunu ħarbu.

Aħna, bħala Nsara, għandna naħdmu flimkien biex nuru lill-migranti l-imħabba ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu. Nistgħu u għandna nagħtu xhieda li ma jeżistux biss l-ostilità u l-indifferenza, imma li kull persuna hi prezzjuża f’għajnejn Alla u maħbuba minnu. Il-firdiet li għadhom jeżistu bejnietna jżommuna milli nkunu b’mod sħiħ is-sinjal tal-imħabba ta’ Alla. Meta naħdmu flimkien biex ngħixu l-ospitalità ekumenika, b’mod partikulari lejn dawk li ħajjithom hija iżjed vulnerabbli, lilna l-Insara kollha – Protestanti, Ortodossi, Kattoliċi, l-Insara kollha – dan jagħmilna bnedmin aħjar, dixxipli aħjar u poplu Nisrani iżjed magħqud. Iqarribna iżjed lejn l-għaqda, li hija r-rieda ta’ Alla għalina.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard