• ***

      Direttur: Elizabeth Banks
      Atturi: Anna Kendrick, Rebel Wilson, Brittany Snow, Hailee Steinfeld, Skylar Astin, Ben Platt, Adam DeVine, Alexis Knapp, Flula Borg u Hana Mae Lee
      Ħin tal-Film: 115 min.
      Klassifika taċ-Ċensura: PG
      Klassifika tal-Knisja: 12

      Sentejn wara l-ewwel il-ġrajjiet tal-ewwel film, il-grupp ta’ kantanti u żeffiena: Barden Bellas, taħt id-direzzjoni ta’ Beca Mitchell u Chloe, wara li rebħu t-titlu nazzjonali capella,  jiġu mistiedna biex jagħtu wirja ġewwa Washington quddiem il-President Barack Obama u martu Michelle. Il-bidu kien stupend u kollox mar sew sakemm Fat Amy, hekk kif kienet merfugħha mill-art, isseħħ inċident imbarazzanti,  tant li l-kommentaturi John Smith u Gail Abernathy-McFadden-Feinberger, wara din id-disfatta  serja,  jiddeċiedu li   jissospendu l-grupp Bellas milli jieħdu sehem f’xi wirja oħra.  Beca, Chloe u sħabhom ma jaqtgħux qalbhom u jintebħu li l-unku triq għalihom biex jifdu ġieħhom kien li jieħdu sehem  barra mill-Amerika, f’kuntest mondjali li ebda grupp Amerikan qatt ma rebaħ. Huma jirnexxielhom jipperswadu lill-kommentaturi li jekk jirbħu t-tornament ma jiġux żbandati. Sadanittant Beca tibda tieħu ċans li tirrikordja fi studjo. Meta Beca tgħin lil Snoop Dogg biex il-kanżunetta tal-Milied jagħmilha iktar attraenti, timpressjona lill- kap tal-istudjo. Iżda dan ikun diżappuntat li l-kanżunetti li Beca kienet tkanta ma kienux  oriġinali. Il-grupp isir jaf li Beca qegħda tittanta xortiha billi tagħmel irrekordjar. Fat Amy  taffrontah f’isem il-grupp kollu. Amy minnaħa tagħha, f’laqgħa ma’ Bumber tirrifjutah meta dan talabha biex tkun il-maħbuba tiegħu. Hawn tidħol Emily Junk li kienet għada kemm daħlet fil-kulleġġ: Barden. Ma ddumx ma ssir parti mill-grupp Bellas.  Waqt parti,  t-tfajliet jiltaqghu ma’ grupp rivali:  Troublemakers.  It-tħejjija tkompli fost il-ħafna diffikultajiet fosthom l-isfida meta jintebħu li sejrin ikollhom fil-finali  l-grupp Ġermaniż: Das Sound Machine li kienu rebħulhom fl-aħħar kuntest.  Tgħid il-grupp Bellas jirnexxielhom jagħmlu ħilithom ġewwa Denmark  biex igħelbu dawn id-diffikultajiet u jirbħu l-kuntest li jagħmilhom iċ-ċampjins mondjali barra wkoll li jevitaw li l-grupp jisfaxxa?       

      Film Amerikan – kummiedja u muzikali, taħt id-direzzjoni ta’ Elizabeth Banks, kitba ta’ Kay Cannon ilaqqgħana mal-grupp ta’ żeffiena u kantanti li jinsabu fl-inkwiet wara wirja diżastruża quddiem il-President Obama.  L-uniku ċans biex jinfdew kien li jirbħu konkors ġewwa Denimarka, mhux biċċa xogħol faċli. Minħabba xi kliem goff u mġieba mhux dejjem korretta,  tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.