L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-qalb hi dik li minnha naraw il-persuna x’tip hi jew fiex tinsab. Meta ġieli tisma’ fuq xi ħadd ‘qalbu sewda’, mhux għall-kulur iswed tal-qalb ikunu qed jgħidu, imma li bniedem dispjaċut; u meta ngħidu ‘qalbu tajba’, mhux għax il-qalb taħdem tajjeb ikunu qed jgħidu, imma għax hu bniedem kollu kemm hu ġeneruż.

Għalhekk, il-festa tal-lum tal-qalb ta’ Ġesù tistedinna nagħrfu min hu Ġesù għalina. Il-moħħ ħafna drabi jmur fuq it-tagħlim ta’ Ġesu, li hu tant importanti; imma l-qalb narawha kemm fit-tagħlim ta’ Ġesù, kif ukoll, u b’mod iżjed qawwi, fl-azzjonijiet tiegħu, f’dak li jagħmel.

X’naraw fil-qalb ta’ Ġesù li kien jgħodd fiż-żmien li għex fostna u li jgħodd illum li hu ħaj?

Qalb mimlija mħabba

L-ewwel nett, il-qalb ta’ Ġesù hi qalb mimlija mħabba, li tħobb bi mħabba bla qies. Hekk uriena Ġesù f’ħajtu. Kien kollu mħabba għan-nies ta’ madwaru, għal kulħadd, u għal kull persuna. Tolqtok b’mod speċjali din l-imħabba individwali ta’ Ġesù – qalb ma’ qalb – fil-kuntatti personali li kellu. Kull min iltaqa’ miegħu seta’ jintebaħ bil-qalb mimlija mħabba tiegħu.

Qalb li tingħafas quddiem it-tbatija

Il-qalb ta’ Ġesù kienet qalb li tingħafas quddiem it-tbatija. Meta jara n-nies ibatu, vittmi tal-inġustizzji tal-oħrajn, kien jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom, jerfagħhom mill-miżerja, jagħtihom lura d-dinjità. Kienet qalb bi mħabba speċjali lil dawk li l-oħrajn kienu jwarrbu, bħalma kontinwament għandna fir-rakkonti tal-Evanġelju.

Qalb li tfittex lill-imbiegħda

Ġesù kellu qalb mimlija mħabba kbira wkoll lejn dawk li tbiegħdu mit-triq it-tajba. Għalhekk qalilna li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa – iħalli d-99 biex imur ifittex lin-nagħġa l-mitlufa.

Qalb li taħfer

Kienet qalb li taħfer. Ix-xena li naraw illum fl-Evanġelju hi x-xena ta’ Ġesù msallab, li mill-qalb minfuda tiegħu ħareġ demm u ilma. Hemm naraw dak li Ġesù jgħid fuq l-ikbar imħabba: “M’hemmx imħabba akbar milli wieħed jagħti ħajtu għal ħaddieħor”. Hemm fuq is-salib, Ġesù jaħfer lil dawk li kienu qegħdin joffenduh, ikasbruh, u jipparteċipaw fil-qtil tiegħu.

Qalbna tistrieħ fih

L-Aħbar it-Tajba għalina hi li l-qalb ta’ Ġesù hi mimlija mħabba u ħniena u maħfra magħna wkoll illum, ma’ kull wieħed u waħda minna. Hu dan li niċċelebraw b’mod partikulari fl-Ewkaristija, fejn Ġesù jingħata għalina biex jimla lil ħajjitna bl-imħabba tiegħu. Ġesù jersaq lejna bl-imħabba tiegħu u jistedinna aħna wkoll biex inħalluh iħobbna biex insibu fih il-mistrieħ tagħna. Kif jgħid Santu Wistin fit-talba sabiħa tiegħu: “Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik”. Fih insibu l-paċi u l-ferħ li tant infittxu f’ħajjitna.

Dan jagħmlilna ħafna kuraġġ għal ħajja tagħna. Ilkoll ngħaddu minn żminijiet diffiċli fil-ħajja tagħna personali, fil-familja, fejn inħossu ansjetà, rabja, uġigħ. Għandna min jifhimna żgur, min jagħtina s-serħan żgur. Irridu nħalluh iħobbna.

Qalb tixbah lil tiegħu

Meta aħna nħallu lil Ġesù jħobbna, imbagħad hu jgħinna biex qalbna mhux biss timtela bl-imħabba tiegħu u ssib is-serħan, imma tkun qalb tixbah lil tiegħu – jiġifieri tkun qalb li tħobb lil kulħadd, li hi miftuħa għal dawk li s-soċjetà twarrab, li tingħafas quddiem it-tbatija, li taħfer, li toħloq ambjent sabiħ.

F’din is-solennità tal-lum, ejjew inqimu bi gratitudni lill-qalb kollha mħabba ta’ Ġesù u nitolbuh: agħmel li nħalluk tħobbna, biex fik insibu l-mistrieħ ta’ qalbna. Agħmel li qalbna tkun tixbah lil tiegħek.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju