Qari u kant tal-Quddiesa

Ċelebrant: Fr Brendan Gatt
Animazzjoni: Gianluca Bezzina


Qari I

Il-Mulej ħeles lill-imsejken minn id il-ħżiena.
Ġer 20, 10-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

F’dak iż-żmien, Ġeremija qal:
Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;
biża’ madwari kollu!
“Ixluh! Ħa nixluh!”.
Jgħajtu saħansitra ħbiebi kollha,
ifittxu l-qerda tiegħi: “Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh;
ta’ kollox nitħallsu minnu!”.
Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,
għalhekk dawk li jagħmlu għalija
jogħtru, ma jagħmlu xejn,
jitħawdu bis-sħiħ, għax ħsiebhom ma jseħħx;
għajb għalihom li ma jintesa qatt.
Int, Mulej tal-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,
li tara l-ġewwieni u l-qalb,
ħallini nara l-vendetta tiegħek kontrihom,
għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.
Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,
għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla


Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 8-10.14.17.33-35
R/. (14ċ): Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla

Minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti,
ulied ommi ma jagħrfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

Imma jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
Ifaħħruh is-sema u l-art,
l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom. R/.


Qari II

Id-don mhuwiex bħall-ħtija.
Rum 5, 12-15

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.

Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, mqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla


Hallelujah R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej;
u intom ukoll tixhdu.

R/. Hallelujah


Evanġelju

Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem.
Mt 10, 26-33

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux millbnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu


Talba għat-Tqarbina tax-Xewqa

Ġesù, jiena nemmen li Inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament tal-Ewkaristija. 
Irrid inħobbok fuq kollox u fuq kulħadd.
Inti taf li nixtieq nirċevik ġewwa fija.
Imma ġaladarba bħalissa ma nistax nilqgħek ġewwa fija sagramentalment,
nitolbok li tiġi fija spiritwalment.
Ejja għandi Ġesù tiegħi, biex jiena niġi għandek.
Ħeġġiġni bl-imħabba għalik biex f’ħajti u f’mewti jiena nemmen fik,
nitma’ fik u nibqa’ nħobbok għal dejjem.
Ammen