• ***

    Direttur:          Brad Peyton

    Atturi:              Dwayne Johnson, Jeffey Dean Morgan, Will Yun Lee, Naomie Harris, Malin Akerman, Joe Manganiello, Luke Lacy u Marley Shelton

    Ħin tal-Film:    107 min          

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Fuq vettura spazjali, numru ta’ xjentisti jmutu kollha barra waħda. Dawn kienu qegħdin jesperimentaw fuq patoġenu (organiżmu li jikkawża l-mard) li sfortunatament irriżulta fit-tkabbir ta’ ġurdien f’qies enormi tant li dan il-ġurden qatel ix-xjentisti kollha barra waħda għalkemm ix-xjentista li baqgħat ħajja, rrnexxielha taħrab minn fuq il-vettura u magħha tieħu tliet ċilindri bil-patoġenu effettwat mill-esperimenti li kienu saru. Ix-xjentista iżda ma salvatx waqt li ċ-ċilindri waqgħu f’inħawi fl-Amerika. Wieħed minnhom waqa’ qrib il-Konservatorju San Diego fejn kienu jieħdu ħsieb annimali selvaġġi.

    Davis Okoye, primatoloġist li qabel kien suldat fil-Forzi Speċjali, kien jaħdem hemm. Kien bniedem li jżomm għalih iżda rnexxielu jagħmel rabta soda ma’ George, gurilla albino, b’intelliġenza inkredibbli. Il-patoġenu jeffettwa lil George mal-ewwel. George mhux biss joqtol ors feroċi iżda jikber ħafna u jibda juri sinjali ta’ aggressjoni intensiva li ma tkunx l-imġieba tiegħu tas-soltu. Davis kien għadu ma jafx li żewġ ċilindri oħra kienu waqgħu fl-Amerika u effettwaw lupu u alligatur.

    Il-proprjetarju tal-patoġenu effettwat kienet tal-kumpanija Energyn immexxija minn zewġ aħwa, Claire u Brett Wyden. Magħhom, darba kienet tahdem Dr. Kate Caldwell li kienu keċċew minn magħhom meta din ippruvat twaqqafhom milli jkomplu b’dawn l-esperimenti. L-aħwa Wyden kienu jmexxu korporazzjoni li kienet qegħda tagħmel esperimenti fuq dan il-patoġenu bl-iskuża li jinstab fejqan għall-marda tal-kankru, iżda minflok kienu qegħdin jaħsbu biex joħolqu armi għall-qerda tal-massa.

    Dr. Kate tavviċina lil Davis u tgħidlu li kienet taħdem mal-kumpanija Energyn. Sadanittant Davis, Kate u George, li issa kien kiber ħafna, qabel ma setgħu jagħmlu xi ħaġa, jinqabdu minn Harvey Russell, kap ta’ aġenzija sigrieta governattiva. L-aħwa Wydens min-naħa tagħhom idawwru l-frekwenza tar-radju minn fuq l-iskyscraper fejn kienu joperaw biex isejħu t-tliet mostri lejn Chicago.

    X’jiġri hekk kif it-tliet mostri jibdew jitterrorrizzaw il-belt. X’sejrin jagħmlu Davis u Kate f’din il-qagħda li jinsabu fiha, arrestati u meħuda fuq ajruplan? X’jagħmel George kif isib ruħu kklazrat u jisma’ l-frekwenza tar-radju ssejjaħlu?

    Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Brad Peyton u kitba ta’ Ryan Engle, Carlton Cuse, Ryan J. Condai u Adam Sztykiel. Minħabba vjolenza kkawżata minn tliet mostri, kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.