L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Żgur li tolqotna r-reazzjoni vjolenti tan-nies meta semgħu lil Ġesù jitkellem fis-sinagoga ta’ Nażaret, f’pajjiżu. Kultant fl-Evanġelju nsibu li n-nies, meta jitkellem Ġesù, jew imeruh jew ma jaċċettawhx, imma hawnhekk l-Evanġelju jgħidilna li “kulħadd imtela bil-korla”. Mhux biss, imma ħarġuh ’il barra, u ried jixħtuh għal isfel mill-għolja, l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt. Attentat ta’ qtil!

Tolqotna aktar u aktar din ir-reazzjoni meta naraw ir-rakkont sħiħ. Ftit mumenti qabel, meta Ġesù daħal fis-sinagoga, hemmhekk kien qabad jaqra silta mill-Profeta Iżaija: l-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, il-ħelsien lill-imjassrin, id-dawl lill-għomja – il-programm tal-missjoni tiegħu. Ġesù għażel din is-silta biex ifisser x’kienet il-missjoni tiegħu. U l-Evanġelju jgħid li meta semgħuh jgħid dan il-kliem, u jispjega, in-nies “ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu”. Mela hemmhekk laqgħuh u baqgħu mistagħġbin, u ftit mumenti wara, imtlew bil-korla u riedu jixħtuh għal isfel. X’ġara?

Jidher li dak li qajjem din ir-reazzjoni kbira fin-nies hu meta Ġesù, fis-sinagoga ta’ Nażaret, spjega li Alla hu Alla għal kulħadd. Mhuwiex marbut ma’ poplu, jew ma’ post, jew ma’ razza, imma hu Alla ta’ kulħadd u jixtieq jilħaq lil kulħadd. Fil-fatt, xi jsemmi Ġesù? Żewġ ġrajjiet mit-Testment il-Qadim, li huma kienu midħla tagħhom: tal-armla ta’ Sarefta ta’ Sidon mal-profeta Elija, u ta’ Nagħman tas-Sirja mal-profeta Eliżew – ir-rakkont li smajna fl-ewwel qari. Għaliex isemmi dawn Ġesù? Għax dawn it-tnejn kienu, waħda minn Sidon u l-ieħor mis-Sirja, it-tnejn mhux parti mill-poplu Lhudi. Ġesù ried juri, għalhekk, kif Alla hu Alla ta’ kulħadd, anke ta’ dawk li huma esklużi jew emarġinati.

Meta jgħid hekk, u meta juri dan, proprju li Alla ġie anke għal min hu eskluż, ippruvaw jeskludu lilu, itellqu ’l barra lilu. Interessanti li fl-Atti tal-Appostli hemm mument minnhom meta San Pawl jgħaddi mill-istess esperjenza. Jispjega lill-poplu li hu Lhudi, jgħid l-esperjenza tiegħu bħala Lhudi, imma mbagħad f’mument minnhom jgħid kif irċieva messaġġ mingħand Alla li l-kelma tiegħu kienet ukoll għall-pagani. U r-reazzjoni tan-nies kienet: “Eqirduh mid-dinja, bniedem bħal dan! Ma ħaqqux jgħix!” (Atti 22:22)

X’inhu l-messaġġ tal-Evanġelju għalina llum, għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, li aħna niftakru li Alla li aħna nqimu hu Alla għal kulħadd, li ġie biex isalva lil kulħadd. Mhuwiex ta’ poplu wieħed, ta’ razza waħda, ta’ post wieħed, imma hu għal kulħadd. U l-missjoni tagħna, anke bħala Knisja, hi li nwassluh lil kulħadd, li nwasslu l-imħabba tiegħu lil kulħadd. Imbagħad, messaġġ importanti hu meta nirrealizzaw x’għamel Ġesù. Meta għadda minn din l-esperjenza kerha – riedu joqtluh – x’għamel? Daħal f’qoxortu? Irtira? Qal “ma ngħidx iżjed”? Xejn minn dan! Ġesù ma beżax. Hawnhekk żgiċċalhom biex ma joqtluhx, imma Ġesù ma beżax u kompla jwassal il-kelma ta’ Alla kif inhi bl-ikbar libertà, bil-kuraġġ, mingħajr biża’.

Nitolbu lill-Mulej illum, fid-dawl ta’ din il-kelma tiegħu, biex aħna dejjem niftakru li hu Alla li jrid jinkludi lil kulħadd, u nwasslu l-imħabba tiegħu lil kull bniedem. Nitolbu wkoll biex aħna ma nibżgħux inwasslu l-kelma tiegħu. Niftakru li, meta nagħmlu dan, l-iskop ewlieni tagħna mhuwiex li l-oħrajn jaqblu, li nġibu l-kunsens tal-oħrajn, imma li ngħixu tassew il-fedeltà lejn il-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju