L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fl-Evanġelju tal-lum għandna lil Ġesù li juża kliem iebes ħafna kontra l-Fariżej. Irrid ngħid li mhux il-Fariżej kollha kienu hekk, imma dawn li Ġesù kien f’polemika magħhom kienu kif jgħid Ġesù, u għalhekk jgħidilhom illum għal diversi drabi “Ħażin għalikom” u jagħtihom titli oħra. Nixtieq li naraw lil dawn il-Fariżej b’kuntrast ma’ Marija, omm Ġesù u ommna wkoll, proprju f’dit-tifkira li qed nagħmlu llum ta’ Marija Reġina, sebat ijiem wara l-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema.

Nibda bil-kliem li jgħid Ġesù meta jindirizzahom: “Ħażin għalikom”. Araw il-kuntrast. Dan li jgħid Ġesù hawn lill-kittieba u lill-Fariżej, li ma nsibuhx biss hawn imma wkoll f’diversi siltiet oħra fl-Evanġelju, hu f’kuntrast mat-tislima lil Marija. Lilha l-anġlu jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja…int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:28.30).

Għaliex Ġesù jgħidilhom “Ħażin għalikom”? Isemmi diversi affarijiet, imma l-aktar minħabba l-ipokrezija tagħhom. Fil-fatt lill-Fariżej u lill-kittieba hawn jgħidilhom aktar minn darba “uċuħ b’oħra”. Ir-raġuni kienet li dawn minn barra kienu jidhru nies sew, u kont tara nies devoti, u reliġjużi, u jinteressahom mit-tempju u l-liġi – taħsibhom għalhekk nies verament tajbin; imma minn ġewwa – u Ġesù kien jara l-qalb – kienu ’l bogħod minn Alla. Għalhekk Ġesu jgħidilhom “uċuħ b’oħra”. Araw il-kuntrast ma’ Marija. Marija minn barra ma kinitx tidher speċjali, żgur ma kinitx tiffanfra bħal uħud minn dawn. Imma qalbha kienet miftuħa għal Alla, qalb sinċiera.

Il-Fariżej kienu nies li ma emmnux f’Ġesù. Kemm-il darba Ġesù jilmenta li avolja jarawh, u jaraw il-mirakli, ma jemmnux fih u ma jaċċettawx it-tagħlim tiegħu. Mhux biss, imma jfixklu lin-nies; kienu ostaklu għan-nies biex jistgħu jersqu lejn Ġesù. Araw id-differenza f’Marija, li hi l-isbaħ eżempju ta’ fidi. Fil-fatt Eliżabetta tgħidilha: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45). Marija għandha dejjem din il-fidi, u tressaq lin-nies lejn Ġesù, u tagħtihom il-parir – bħalma nsibuha fit-tieġ ta’ Kana, dak il-parir sabiħ li jgħodd mhux biss hemm imma dejjem – “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Imbagħad, fuq l-għolja tas-salib, meta għandna lil Ġesù msallab, hemm l-ikbar kuntrast. San Mattew jgħidilna, aktar kmieni fl-Evanġelju, li l-Fariżej kienu qed jiftiehmu bejniethom kif lil Ġesù jeqirduh (Mt 12:14). U avolja fil-passjoni ma tantx jissemmew il-Fariżej, imma aktar jissemmew il-kittieba u l-qassisin il-kbar, dawn meta raw lil Ġesù msallab kienet għalihom qisha r-rebħa tagħhom, għax ix-xewqa li kellhom intemmet – Ġesù kien imsallab.  Marija kienet taħt is-salib, siekta, taqsam ma’ Ġesù t-tbatija imma tissieħeb miegħu fis-saltna tiegħu. Għax hemm hi s-saltna ta’ Ġesù: il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Dik hi s-saltna rebbieħa, u Marija ssieħbet ma’ Ġesù f’din is-saltna rebbieħa.

Għalhekk illum, fit-tifkira ta’ Marija Reġina, lilna tħeġġiġna biex naħarbu t-triq tal-Fariżej u l-kittieba, jiġifieri ma nkunux uċuħ b’oħra, qalbna kiefra, qalbna ’l bogħod minn Alla, ta’ qalb mhux sinċiera; u nagħżlu t-triq ta’ Marija li hi t-triq tas-saltna ta’ Alla, dawk il-valuri tas-saltna li fil-qalba tagħhom hemm proprju l-imħabba u l-ħniena. Għalhekk illum insellmulha bit-talba sabiħa tas-Salve Regina: “Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna.”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju