Il-Ħadd li ġej fl-Iralnda se jinżamm il-jum annwali ddedikat lill-ħajja, dis-sena se jkollu t-tema “Sejħa għas-solidarjeta u t-tama fi żminijiet diffiċli”. L-attivita, dis-sena, hu maħsub li tirrifletti fuq “xi jfisser li wieħed ikollu ħajja mimlija bil-ferħ”. Hekk intqal fi stqarrija tal-Isqfijiet tal-pajjiż, li antiċipaw dak li se jsir fil-Jum iddedikat lill-Ħajja.

It-tema magħżula hu mifhum li nibtet miż-żjara li l-Papa Benedittu XVI għamel is-sena li għaddiet fl-Ingilterra, meta qal li “l-ferħ hu xi ħaġa li kulħadd irid, pero hi waħda mill-ikbar traġedji fid-dinja li ħafna nies ifittxu l-ferħ u ma jsibuh qatt, għax ikunu jfittxuh f’postijiet żbaljati. Iċ-ċavetta ewlenija hi li l-ferħ veru jinstab biss f’Alla. Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ inpoġġu t-tama sħiħa tagħna f’Alla waħdu, u la fil-flus, la fil-karriera, la fis-suċċess tad-dinja u lanqas fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn. F’Alla biss.”

L-Isqof John Fleming ta’ Killala, spjega li l-għażla tat-tema għal dan il-jum annwali, twieġeb għal dik li sejjaħ “ir-riċessjoni ekonomika u d-diffikultajiet kollha li n-nies qed issib fil-ħajja tagħha. Il-periklu daż-żmien huwa li kulħadd iħossu maqtugħ minnu nnifsu, mit-tama, u saħansitra mill-qawwa traxxendentali – divina – minn Alla nnifsu. Irridu ma ninsewx li Alla jafna u jħobbna kif aħna u għal dak li aħna mhux għal dak li għandna”.

L-Isqfijiet, bħala parti mit-tħejjija tal-Jum iddedikat lill-Ħajja fl-Irlanda, ippubblikaw ittra pastorali, aċċessibbli bl-Ingliż, bl-Irlandiż u bil-Pollakk.