• 100 akkademiku mill‑Università ta’ Malta kkonkludew li l‑emendi proposti għall‑Att dwar il‑Protezzjoni tal‑Embrijuni jdgħajfu b’mod serju l‑protezzjoni tal‑embrijun uman fl‑istadju l‑iktar vulnerabbli tiegħu. L‑akkademiċi minn 14‑il fakultà differenti tal‑Università ta’ Malta esprimew it‑tħassib tagħhom f’kitba akkademika (kopja tagħha mehmuża) li qed tiġi ppubblikata llum, is‑Sibt, 5 ta’ Mejju 2018.

    Dawn l‑akkademiċi jappoġġaw bis‑sħiħ is‑servizz tal‑IVF li bħalissa qed jingħata biex jgħin koppji infertili. Dan huwa servizz essenzjali li għandu jibqa’ jiġi mtejjeb sabiex il‑koppji infertili jingħataw l‑aħjar trattament u għajnuna possibbli. Il‑liġi u l‑prattika preżenti jagħtu lil dawn il‑koppji infertili s‑serħan il‑moħħ li d‑dinjità tal‑embrijun hija rispettata u li jingħata protezzjoni sħiħa. Għall‑kuntrarju, permezz tal‑emendi proposti mill‑Gvern, l‑embrijun tal‑koppja infertili ser jitqies bħala oġġett.

    Il‑grupp ta’ 100 akkademiku jispjega kif il‑protezzjoni tal‑embrijun uman tiddgħajjef permezz ta’: 1) l‑iffriżar tal‑embrijun 2) ir‑rimi ta’ embrijuni żejda li mhumiex adottati 3) id‑donazzjoni anonima ta’ gameti u 4) is‑surrogazzjoni.

    L‑akkademiċi jinkludu fost l‑oħrajn: tobba, professjonisti fil‑kura tas‑saħħa, patoloġi, ġinekologi u ostetriċi, avukati, social workers, psikologi, counsellors, filosofi, teoloġi, xjentisti u professjonisti fil‑qasam tal‑politika pubblika u soċjali.

    Agħfas hawn biex taqra d-dokument ippreżentat mill-100 akkademiku.