“Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.” Ġwanni 8:12

Fir-raba’ Ħadd tar-Randan jissemma l-fejqan ta’ raġel għama minn twelidu. Fil-Malti nużaw il-frażi “nieqes mid-dawl”. Interessanti kif bil-Grieg, il-lingwa li t-Testment l-Ġdid inkiteb biha, il-kelma ‘dawl’ hi ‘phos’. Apparti li tirreferi għal dawl fiżiku, bħad- dawl tax-xemx jew id-dawl tal-lampa, tirreferi wkoll għall-għerf u l-verità. Il-kelma għami, bil-Grieg hi ‘tuphlos’ u tirreferi wkoll għal xi ħadd dgħajjef spiritwalment, jew nieqes mill-intelliġenza. Imbagħad fil-kultura Lhudija kellek dawk li jemmnu li persuna nieqsa mid-dawl ġiet kastigata għal xi dnub.

Lura għall-fejqan tal-għama, ir-raġel mhux biss beda jara b’għajnejh, iżda b’dal-miraklu, seta’ wkoll jagħraf id-dawl ta’ Ġesù li jġib tama ta’ ħajja ġdida. Hawn naraw id-differenza bejn ir-raġel imfejjaq u l-Fariżej li jibqgħu jirrifjutaw li jsiru dixxipli tiegħu u għalhekk jibqgħu għomja spiritwalment. Il-Fariżej konvinti li m’għandhomx bżonn jemmnu f’Ġesù. U f’ħajjitna jiġu mumenti simili fejn naħsbu li nistgħu ngħixu mingħajr Alla, u li l-isforzi tagħna huma biżżejjed. 

Ġesù jordna lill-għama jinħasel fl-Għadira ta’ Silwam li tfisser ‘il-Mibgħut’. Dan huwa sinifikanti għax hu, bl-ilma tnaddaf, ħa ħajja ġdida u beda jara. Bl-istess mod, aħna wkoll niġu ppurifikati, nieħdu ħajja ġdida, u l-perspettiva tagħna tinbidel. Niftakru li kull darba li nersqu lejn Alla, jistedinna biex ma nżommux il-fidi għalina iżda naqsmuha man-nies ta’ madwarna. Għalhekk aħna wkoll insiru l-mibgħuta u bl-eżempju ta’ kif ngħixu ħajjitna, inressqu lil ta’ madwarna lejn Ġesù biex jesperjenzaw id-dawl tal-ħajja.

Meta nħares lejn ħajti u d-deċiżjonijiet li nieħu, jiena kif qed inkun ta’ eżempju tal-imħabba t’Alla? X’sitwazzjonijiet qed nibża’ noffri lil Alla għax għadni m’aċċettajtx il-bidliet li forsi hemm bżonn isiru ħalli jiddi d-dawl ta’ ħajja u tama ġdida?