• Waqt iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana fil-festa solenni ta’ Kristu Re u l-għeluq tas-sena liturġika, l-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar is-seba’ valuri tas-saltna ta’ Alla: il-verità, il-ħajja, il-qdusija, il-grazzja, il-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem. Huwa appella lill-Insara sabiex jgħixu u japplikaw dawn il-valuri fil-ħajja ta’ kuljum. Fid-dawl ta’ dak kollu li qed jiġri madwarna, l-Arċisqof saħaq li bħala Nsara ma nistgħux inċedu għall-kultura fejn il-verità mhijiex aktar kriterju tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna jew tal-governanza. Għalħekk qal, irridu noħolqu soċjetà fejn isaltnu tassew il-verità, il-ħajja, il-ġustiżżja, l-imħabba u s-sliem. Sostna li s-saltna ta’ Alla tħaddan il-verità għaliex Ġesù stess hu l-verità u li “min mhuwiex mal-verità hu mal-ġideb”.

    L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-valur tal-ħajja u kkundanna kull tqil, l-aktar tal-innoċenti: fil-bidu, waqt u lejn tmiem il-ħajja. Enfasizza li qatt ma nistgħu naċċettaw l-hekk imsejjaħ ‘dritt fundamentali’ li tagħżel jekk tarbija fil-ġuf għandhiex tinqatel jew le. Lanqas nistgħu naċċettaw l-għażla bejn liema pazjent terminali għandu jgħix jew imut. Saħaq li “il-Mulej hu sid il-ħajja. Hu jġib in-nies fid-dinja permezz tal-missier u tal-omm, u hu jsejħilhom fil-mewt.”

    Mons. Arċisqof appella lill-komunità Nisranija sabiex qalbha tkun miftuħa għal kulħadd, inkluż għall-għedewwa. Wera t-tama li “fil-qalb tagħna, fil-kliem, inkluż fuq is-social media, nibnu kultura ta’ mħabba u mhux ta’ mibgħeda, tpattija u għira. Ejjew nibnu kultura fejn kulħadd għandu dritt jitkellem mingħajr ma jinsulenta jew jikkalunja lil ħadd.”

    Fl-aħħar nett, l-Arċisqof tkellem dwar il-paċi fid-dinja u qal li din l-ewwel trid issaltan fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Mons. Arċisqof irrefera wkoll għas-sitwazzjoni fil-Mediterran u t-tbatija tal-immigranti, wara traġedja oħra li seħħet ’il barra mix-xtut tal-Libja. Hu wera t-tama li Malta ma tkunx ġenna għall-kriminali iżda port ta’ kenn għal tant nies li qed ifittxu d-dinjità mitlufa, u oasi fejn isaltnu l-valuri tal-familja, tal-ħajja u tal-ġid veru.

  • Ir-ritratti kollha taċ-ċelebrazzjoni se jkunu aċċessibbli mill-websajt tar-ritratti uffiċċjali tal-Knisja f’Malta.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja