• Ix-xogħlijiet tar-restawr fuq il-faċċata tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann tlestew. Dan il-proġett inkluda d-daħla prinċipali, il-ġnub, il-kampnari, l-arloġġ u d-dewwiema. Din hija l-ewwel darba li l-faċċata tal-kon-katidral għadda minn restawr b’reqqa bħal dan. Dan kollu jkopri aktar minn 2,000 metru kwadru. Il-proġett beda fl-2014 mill-Ministeru għall-Kultura u mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, permezz ta’ ħaddiema mid-Direttorat tar-Restawr.

    Il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Wilfrid Buttigieg spjega kif dan l-proġett ta’ restawr kien parti mill-fażi inizzjali fil-preparazzjoni ta’ pjan shih ta’ illuminazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, li huwa monument ikona fiċ-ċentru tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan il-pjan ta’ illuminazzjoni huwa mifrux fuq kull faċċata tal-erba naħat, fuq Triq ir-Republika, Triq Santa Luċija, Triq il-Merkanti, u l-Pjazza ta’ San Ġwann.” Buttigieg faħħar il-kollaborazzjoni li trawmet bejn l-entatijiet konċernati u ddikjara li dan jawgura tajjeb għall-proġetti ppjanti fil-futur u lil l’hinn b’kollaborazzjoni ma’ kullħadd.

    “Investimenti bħal dawn saru biex in-nies igawdu din il-binja storika u meraviljuża, li għandha sinifikat u legat għall-pajjiżna. Aħna żgur mhux se nieqfu hawn, il-ħidma se tkompli biex dan it-tempju majestuż inkomplu mmexxuh ‘l quddiem” stqarr il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonniċi. Hu rringrazzja minn qalbu lid-Direttorat tar-Restawr u lil kull min kellu parti minn dan il-proġett u faħħar il-kollaborazzjoni stupenda mal-Knisja, fejn jidħol il-Konkatidral.

    Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, irringrazzja lill-Minsiteru għall- Kultura u lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann f’isem l-Arċisqof. Qal li x-xogħol li sar fuq il-faċċata tal-Konkatidral, iddisinjat mill-perit Malti Girolmu Cassar, issa jista’ jitgawda fl-isplendur kollu tiegħu, li jmur lura għal madwar 440 sena ilu, meta nbena l-ewwel darba mill-Ordni ta’ San Ġwann.

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista stqarr li apparti li huwa mogħni b’kapulavuri artistiċi kbar bħall- famuża pittura tal-qtugħ tar-ras ta’ San Ġwann, il-Kon-Katidral jirrifletti perfettament l-identità Barokka tal-Belt, identità li se tkompli tissaħħaħ minn kull aspett tul din is-sena u wara. Huwa kruċjali li kull min hu involut fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura jżomm f’moħħu dak li se nħallu warajna wara l-2018. “Huwa wirt kulturali kbir, ġojjel ammirat minn eluf ta’ persuni kull sena u issa se jingħaqad ma’ diversi proġetti kapitali oħra bħala parti mil-legat strutturali li se tħalli warajha Valletta 2018.”

    “Ir-restawr ta’ diversi siti infrastrutturali fil-Belt Valletta bħal Kon-Katidral ta’ San Ġwann huma parti mill-impenn tal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tistimula riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika ġewwa l-Belt Valletta u l-Gżejjer Maltin. Ir-restawr tal-Kon-Katidral tlesta fil-ħin għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ Uffiċjali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, Erba’ Pjazez. Nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar, kor se jkun qed ikanta quddiem il-Kon-Katidral li se jkollu l-faċċata tiegħu illuminata waqt l-attivitajiet tal-lejl ” qal iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.

    Cynthia de Gorgio, il-kuratur tal-Konkatidral qalet li f’partijiet varji tal-faċċata tneħħew tbajja’ kkawżati mill-umdità u nbidel il-ġebel maqsum. Xi ftit minn dawn il-ġebel kellhom deterjorament avvanzat, b’hekk ġew imneħħija kompletament waqt li tneħħew ukoll il-ħmieġ u bejtiet u ż-żebgħa ġiet irtokkjata. Tneħħew il-ganċijiet tal-metall li kienu qegħdin jagħmlu ħsara lix-xogħol tal-ġebel u ġie restawrat ukoll l-arloġġ prestiġjuż li jinsab fuq il-faċċata. Id-dewwiema l-antika fuq l-kampnar tal-lemin kellha partijiet li ġew riabilitati u mibnija mill-ġdid waqt li ġew installati labar trasparenti biex igerrxu l-ħamiem.

    Dan il-proġett kien immexxi u kofinanzjat mill-Ministeru u l-Fondazzjoni. L-investiment totali kien ta’ €660,000.

  • Ritratti: Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann