L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mimlija bil-grazzja” – hekk isejjaħ l-anġlu Gabrijel lil Marija fl-Evanġelju li għadna kif smajna. Hija din it-tislima li qed niċċelebraw illum b’mod partikulari f’din is-Solennità, meta ngħidu li Marija hija Immakulata, jiġifieri mnissla mingħajr ħtija.

Nixtieq li nħarsu lejn żewġ punti partikulari f’din il-festa.

L-ewwel nett hija l-festa tal-ġmiel, tas-sbuħija. F’Marija aħna naraw dik li ma għandhiex dnub. Hu d-dnub li jkerrah, li jitfi l-ġmiel. Aħna lkoll midinbin, imma nixxennqu għall-ħajja sabiħa, ħielsa mid-dnub. Għalhekk it-talba li nagħmlu lil Marija hija biex tgħinna ħalli aħna jkollna dejjem din ix-xewqa li nkunu  nixbhuha, li nfittxu li ħajjitna Alla jippurifikahielna minn dak li hu ħażin biex nagħżlu dak li hu tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu ta’ ġmiel.

Imbagħad hemm punt ieħor marbut speċjalment ma’ din il-festa. Aħna llum niċċelebraw it-tnissil ta’ Marija li mbagħad niċċelebraw it-twelid tagħha disa’ xhur wara, fit-8 ta’ Settembru. Dan bħalma niċċelebraw it-tnissil ta’ Ġesù fil-25 ta’ Marzu, u mbagħad it-twelid tiegħu fil-25 ta’ Diċembru, disa’ xhur wara. Tindunaw li mill-festi stess tal-Knisja li aħna niċċelebraw bil-kbir – għax dawn kollha huma festi kbar – hemm dan il-messaġġ sabiħ: li l-ħajja umana tibda mat-tnissil, dik il-ħajja li mbagħad għandha normalment madwar disa’ xhur sat-twelid.

Għalhekk, illum ma niċċelebrawx ftit ċelloli mingħajr dnub, imma niċċelebraw lil Marija mnissla mingħajr dnub, Marija immakulata, għax hemm diġà l-ħajja umana tagħha fit-tnissil tagħha. Dan hu messaġġ importanti għalina, għall-mod kif naħsbu, kif nitkellmu. Marija, li hija Omm il-ħajja, tgħallimna dejjem ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Għalhekk niċċelebraw din il-festa – kieku lanqas nistgħu niċċelebraw festa bħal din, kieku għandna xi dubju li Marija ma kinetx diġà preżenti fit-tnissil tagħha.

Nitolbu għalhekk il-grazzja li meta aħna nħarsu lejn Marija Immakulata Kunċizzjoni, dejjem inħarsu lejn il-ġmiel, u napprezzaw il-ġmiel u s-sbuħija; u dejjem inħarsu lejn il-ħajja u ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju