L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u niċċelebraw Jum l-Indipendenza din is-sena nifhmu Ii qegħdin niċċelebraw pass importanti fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna – it-twelid ta’ Malta bħala pajjiż sovran immexxi mill-Maltin. Imma ma nistgħux ninsew ukoll li qegħdin niċċelebraw dan il-jum fil-kuntest tal-pandemija li laqtet lid-dinja u laqtet lilna wkoll.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, fil-5 ta’ Awwissu 2020, beda serje ta’ katekeżi bit-tema ‘Infejqu lid-Dinja’. Dakinhar il-Papa qal hekk: “Il-Knisja, imqar jekk tamministra l-grazzja ta’ Kristu li tfejjaq permezz tas-Sagramenti, u mqar jekk tipprovdi servizzi tas-saħħa fl-irkejjen l-aktar imbiegħda tal-pjaneta, mhijiex xi esperta fil-prevenzjoni jew fil-kura tal-pandemija. U lanqas tagħti indikazzjonijiet soċjo-politiċi speċifiċi. Dan hu xogħol il-mexxejja politiċi u soċjali. Madankollu, mal-medda tas-sekli u fid-dawl tal-Evanġelju, il-Knisja żviluppat xi prinċipji li huma fundamentali, prinċipji li jistgħu jgħinuna nimxu ’l quddiem biex inħejju l-futur li tant għandna bżonn. Se nsemmi dawk prinċipali, strettament marbuta bejniethom: il-prinċipju tad-dinjità tal-persuna, il-prinċipju tal-ġid komuni, il-prinċipju tal-għażla preferenzjali tal-foqra, il-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid, il-prinċipju tas-solidarjetà, il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-prinċipju tal-għożża għad-dar komuni tagħna. Dawn il-prinċipji jgħinu lill-mexxejja, dawk responsabbli mis-soċjetà, biex iseddqu t-tkabbir u anki bħal f’dan il-każ tal-pandemija, il-fejqan tat-tessut personali u soċjali. Dawn il-prinċipji kollha jesprimu, b’modi diversi, il-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.”

Illum nixtieq noffri riflessjoni qasira ispirata minn dawn is-seba’ prinċipji tad-duttrina soċjali tal-Knisja li semma l-Papa Franġisku.

Nibda mill-prinċipju tad-dinjità tal-persuna. Qed nitkellmu dwar id-dinjità ta’ kull persuna. Id-dinjità tal-persuna toffri l-qafas għad-drittijiet fundamentali li huma mniżżla fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta. L-ewwel fosthom huwa d-dritt għall-ħajja li jfisser rispett għall-ħajja ta’ kull bniedem mill-bidu tal-eżistenza umana, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha. Id-dinjità tal-persuna umana tirrikjedi wkoll ir-rispett lejn il-kuxjenza ta’ kull individwu. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II fid-dokument Gaudium et spes: “Meta jkunu fidili lejn il-kuxjenza l-Insara jingħaqdu mal-bnedmin l-oħra biex ifittxu l-verità u biex iħollu fil-verità ħafna problemi morali li jinbtu fil-ħajja ta’ kull wieħed u fil-ħajja soċjali”(nru. 16).

Il-prinċipju tal-ġid komuni jgħallimna li għandna bżonn il-mediċina għal kull tip ta’ egoiżmu li jaf javvelena u jħassar l-għajn safja tal-politika vera. Il-politika, jekk hija espressjoni ta’ servizz u ta’ mħabba, trid tkun imbiegħda minn kull motivazzjoni ta’ gwadann personali. Hemm bżonn li aħna nikbru fis-sens ġenwin tal-Istat li jgħinna niżviluppaw kultura ta’ rispett lejn il-liġijiet u sens ta’ responsabbiltà u ta’ kontabbiltà. B’hekk ikollna governanza tajba li tfittex dejjem il-ġid komuni.

L-għażla preferenzjali tal-fqar tfakkarna li, jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, u jkun xi jkun il-progress li aħna noħolqu u nippromwovu, il-foqra dejjem se jkunu magħna. Huma dejjem fostna, u spiss ukoll iħabbtu fuq il-bieb ta’ xtutna fil-migranti u fir-refuġjati li jitolbu l-għajnuna tagħna. F’dan il-mument ta’ pandemija l-għażla preferenzjali tal-foqra tfisser ukoll l-għażla favur min hu vulnerabbli u marid. L-għażla preferenzjali tal-foqra hija mediċina kontra t-tentazzjoni li nħaddnu l-kultura tal-iskart fejn il-persuna tgħodd b’kemm hi b’saħħitha jew b’kemm tista’ tkun utli. Kull persuna għandha valur fiha nfisha għaliex hija maħluqa xbieha ta’ Alla. Wieħed irid ifaħħar lis-soċjetà tagħna u lil pajjiżna tal-iżviluppi kbar li saru fis-servizzi soċjali, imma niftakru wkoll li l-ikbar investiment jibqa’ l-edukazzjoni. Ħafna drabi meta naffaċċjaw realtajiet ta’ faqar nirrealizzaw li l-kawża prinċipali hija n-nuqqas ta’ edukazzjoni.

Prinċipju ieħor li jsemmi l-Papa huwa d-destinazzjoni universali tal-ġid. Aħna pajjiż żgħir, imma mill-bidu tal-istorja tagħna bħala pajjiż sovran u indipendenti kellna sehem importanti fuq livell internazzjonali, bħal pereżempju l-inizjattiva dwar il-Liġi tal-Baħar u l-iżvilupp tal-kunċett tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Tajjeb li f’kull qasam internazzjonali nkomplu ninsistu dwar it-tqassim ekwu tar-riżorsi u tar-riżultati tar-riċerka. B’mod speċjali b’risposta għall-pandemija, fuq livell dinji Malta għandha tkun vuċi ċara sabiex meta jinstab vaċċin, kulħadd ikollu sehem minn dak li jkunu pproduċew pajjiżi li forsi huma ħafna ikbar u iżjed sinjuri mill-oħrajn.

Din ir-riflessjoni twassal għall-prinċipju l-ieħor tas-solidarjetà. Aħna soċjetà mibnija fuq l-għożża reċiproka imma din l-għożża trid tkun ukoll espressjoni ta’ ħniena u ta’ rikonċiljazzjoni, mhux biss bejnietna imma wkoll mal-barranin. Is-solidarjetà f’dan il-kuntest konkret tal-pandemija tfisser ukoll li ngħożżu lil xulxin billi nieħdu ħsieb xulxin waqt li nirrispettaw l-indikazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dawn l-indikazzjonijiet jitolbu minna sagrifiċċju, imma r-rispett tagħna ta’ dawn l-indikazzjonijiet huwa wkoll mezz konkret ta’ solidarjetà bejnietna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna u nimmaturaw bħala nazzjon sovran, awtonomu u indipendenti, nieħdu ħsieb li nrażżnu l-kliem iebes lejn xulxin u lejn il-barranin, b’mod speċjali fil-kummenti online.

Il-Papa Franġisku jitkellem ukoll dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà li jgħallem li fl-Istat kulħadd għandu rwol importanti u li ċ-ċentraliżmu esaġerat tal-poter f’idejn ftit nies mhuwiex ta’ ġid għas-soċjetà. Dan jitlob minna li meta jkun hemm nies li għandhom responsabbiltà, din tiġi rispettata. Nifhmu li ma jkunux intagħżlu għaliex huma ‘yes men’ jew għaliex dejjem se jiġbdu l-ħabel tal-poter. Irid ikun hemm rispett lejn l-awtonomija ta’ min iħaddan ir-responsabbiltajiet ċiviċi u fuq kollox nirrispettaw il-kuxjenza tal-individwu. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħin fuq kollox biex kull ċittadin jieħu sehem fit-tmexxija tal-Istat, kulħadd skont ir-rwol tiegħu, imma fuq kollox kulħadd skont il-kuxjenza retta tiegħu.

L-aħħar prinċipju li jsemmi l-Papa huwa r-rispett għad-dar komuni. Dan jitlob minna l-infurzar tal-liġijiet ambjentali tajbin ħafna li l-Parlament Malti ta lil pajjiżna. Imma mhux biżżejjed li jkollok liġi tajba, irid ikollok ukoll min jinfurzaha. Fuq kollox irid ikollna edukazzjoni għal kuxjenza ekoloġika diffuża. Il-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja tibda mill-bank tal-iskola jew online, imma tkompli wkoll bl-eżempju li l-Istat jagħti meta jagħmel għażliet importanti, u li l-għażliet tiegħu jkunu favur il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u fl-istess ħin sinjal profetiku li jivvalorizza l-ambjent. L-ambjent, il-Ħolqien, huwa don kbir tal-Ħallieq, huwa teżor prezzjuż u aħna qegħdin hemm biex inħarsuh għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għarfien tas-sbuħija tal-patrimonju ambjentali tagħna, tad-doni tal-ħolqien li jdawruna u tas-sbuħija tal-ambjent mibni li ħallewlna missirijietna, iġegħluna nieqfu qabel nagħmlu binja ġdida oħra mingħajr sens ta’ sbuħija jew mingħajr sostenibbiltà.

Għandna gżejjer sbieħ li ma ħloqniehomx aħna, għandna komunità sabiħa li llum kburija li hija sovrana u awtonoma. Jalla l-għożża ta’ dawn is-seba’ prinċipji li semma l-Papa Franġisku tgħinna nippromwovu l-fejqan personali u tat-tessut soċjali tagħna. B’hekk tassew inkunu qegħdin nagħtu ġieħ “lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta