Il-Papa Benedittu 16 ħatar lill-Viċi President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, Monsinjur Jean Laffitte, bħala Segretarju għall-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, u ħatru Isqof. Imwieled f’Oloron-Sainte-Marie, fi Franza, Laffite, ta’ 57 sena, daħal fis-seminarju Pontifiċju Franċiż ta’ Ruma fl-1984. Huwa kien ordnat saċerdot fl-1989 għad-djoċesi ta’ Autun. Huwa rċieva d-dottorat fit-teoloġija morali mill-Istitut Pontifiċju għall-istudji dwar iż-żwieġ u l-familja, Istitut imsemmi għal Ġwann Pawlu II. Huwa serva wkoll bħala Professur f’dan l-Istitut sa mill-1994, u kien ukoll Viċi President għal dan l-Istitut mill-1999 sal-2001. Fl-2003 huwa nħatar konsulent għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, biex fl-2005 sar Sotto-Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja. Fl-2006 inħatar Viċi-President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja.

Intant, is-Salesjan Mario Toso, inħatar Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi u nħatar Isqof. Imwieled f’Mogliano Veneto fl-Italja, Fr Toso, ta’ 59 sena, kien konsulent għal dan id-dekasteru. Huwa kien ordnat saċerdot fl-1978, studja f’Ruma fl-Universita Pontifiċja Salesjana kif ukoll fl-Universita Laterana Pontifiċja. Bejn l-2003 u l-2009 kien rettur tal-Universita Pontifiċja Salesjana f’Ruma.