• Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jagħmel sejħa kbira għad-demm biex ir-riserva baxxa ta’ bħalissa titla’ kemm jista’ jkun malajr. Għaldaqstant dawk li jgawdu saħħithom huma ġentilment mitluba biex jersqu u jagħtu d-demm, possibbilment illum, għada, jew nhar il-Ħadd.

    B’rabta ma’ din is-sejħa tajjeb li wieħed ifakkar li Servizz ta’ Saħħa tajjeb jiddependi wkoll minn riserva suffiċjenti ta’ demm, li tforni l-ħtiġijiet kbar fl-isptarijiet tal-gżejjer Maltin. Tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li d-demm ma jistax jinxtara bħalma jsir fil-każ mediċini, iżda jiġi minn donazzjonijiet ta’ nies altruisti u eliġibbli biex jagħtu d-demm.

    Appell aħħari hu biex wieħed ixerred kemm jista’ jkun il-kelma għall-benefiċċju ta’ dawk il-pazjenti b’mard kroniku, inkluż tal-kanċer, dawk li ser jiġu operati, kif ukoll dawk korruti.

    Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, bħal dejjem, ser ikun miftuh mit-8am sas-6pm.

    Il-karta tal-identità hi meħtieġa!

    Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt

    Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313