• Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Novembru 2016, ittella’ seminar dwar il-meditazzjoni fl-iskejjel li għalih attendew madwar 110 għalliem, chaplains u membri tac-chaplaincy teams minn 50 skola tal-Knisja, tal-Istat u Indipendenti. Is-seminar sar f’Mount St Joseph, il-Mosta. Dan is-seminar sar wara l-esperjenzi li membri tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni kellhom fl-iskejjel bil-Prayer Spaces in Schools​, l-​‘Ispiritual Development in Schools Unit​’​ tas-Segretarjat. 

    Is-Sur Tonio Caruana SDC, għalliem fl-iskola St Michael’s, qasam ma’ dawk preżenti l-esperjenza tiegħu u t-teknika kif tagħmel il-meditazzjoni skont it-tradizzjoni Benedittina, u kif twassal it-tfal biex jimmeditaw. Dawk preżenti għamlu esperjenza tal-meditazzjoni flimkien u wara kellhom spjegazzjoni mis-Sur Caruana dwar it-teoloġija tal-meditazzjoni, il-meditazzjoni fl-Iskrittura u kif tista’ tiġi promossa mal-istudenti. 

    Min attenda kellu ċ-ċans jistaqsi u jiċċara l-ideat tiegħu b’mod speċjali fuq l-aspetti prattiċi, meta l-meditazzjoni ssir mat-tfal jew adoloxxenti fil-klassi tal-iskola. Dan is-seminar kien opportunità oħra biex l-għalliema jkomplu jiffurmaw irwieħhom biex jgħinu lill-istudenti jkomplu jikbru fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla, magħhom infushom, mal-oħrajn u mal-ħolqien. B’hekk l-istudenti jkomplu jiżviluppaw bħala persuni ​sħaħ u jintegraw aktar l-esperjenzi li għaddejjin minnhom f’ħajjithom f’kuntest spiritwali u interjuri. Hekk jgħixu ​l-isfidi tal-​ħ​ajja ​b’aktar sens u b’mod aktar seren u f’paċi tal-qalb.