•  ****

    Direttur:          David F. Sandberg

    Atturi:              Zachary Levi, Mark Strong, AsherAngel, Jack Dylan Grazer, Djimon Hounsou, Adam Brody, Grace Fulton, Michelle Borth, Ian Chen u Ross Butler

    Ħin tal-Film:    132 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Fl-1974, waqt vjaġġ mal-familja, Thaddeus Sivana, tfajjel, jiġi ttrasportat b’mod maġiku lejn ir-Rock of Eternity. Hemm jiltaqa’ mas-Saħħar Shazam li bil-maġija tiegħu jżoamm taħt kontroll statwi misterjużi li fihom kienu jinsabu l-ispirti tas-Sebgħa Dnubiet Mejta. Shazam kien l-aħħar membru minn sebgħa fil-Kunsill tas-Sħaħar. Għadda sekli sħaħ ifittex ċampjun ġdid. Shazam prova jara jekk Sivana kienx pur f’qalbu, iżda meta ttanta jmiss l-Għajn tal-Għira, weħel fil-prova u sab ruħu lura fil-karozza li kien fiha mal-familja tiegħu.

    Lura fi żmienna, Billy Batson, orfni ta’ erbatax-il sena, jiġi fl-inkwiet mal-pulizija għax jiffissa biex isir jaf  x’kien sar minn ommu. Billy jiġi addottat mill-familja Vasquez. Hu jibda jaqsam kamra ma’ Freddie Freeman, parapleġiku. Sadanittant, Sivana waqt li juża d-dikjarazzjoni formali ta’ dawk imwarrba minn Shazam, jirritorna lejn ir-Rock of Eternity. Hemm jeħles id-Dnubiet Mejta u jtihom il-kunsens li jużaw ġismu biex ikunu jistgħu jaħarbu. B’din il-qawwa li issa kiseb, hu joqtol lil misiseru u lil ħuh li fi tfulitu kienu abbużawh.

    Sadanitant,  Freddie jkun ibbuljat minn xi żagħżagħ. Billy jidħol għalih u hekk kif jaħrab mix-xena, jiġi msejjaħ minn Shazam li jwissiħ biex juża’ saħħtu biex jagħmel it-tajjeb. Shazam iġiegħel lil Billy jaqbad il-bastun li kellu f’idejh waqt li jgħid ”Shazam”. F’daqqa waħda, Billy jinbidel f’adult b’qawwa superpotenza. Bl-għajnuna ta’ Freddie, Billy jiskopri l-qawwiet ġodda li kiseb. Freddie jitfa’ fuq l-internet videos ta’ Billy, issa mibdul f’Shazam. Dawn jarawhom eluf ta’ nies. Billy minnaħa tiegħu jibda jiskarta l-iskola biex jagħti wirjiet bħala Shazam lill-pubbliku. F’inċident stradali, ħtija tiegħu, xarabank tispiċċa mdendla fuq pont. Shazam jirrealizza u jsalva l-qagħda. B’riżultat ta’ dan l-inċident li deher fuq l-aħbarijiet, Sivana jsir jaf u jattakka lil Shazam u jghelbu faċilment. Biex jeħles minn idejn Sivana, Shazam jerġa’ jinbidel f’Billy. Sivana kien determinat li jsib min kien Shazam biex joħodlu setgħetu!  X’sejjer jagħmel Billy issa li hemm xi hadd jiġri warajh? Tgħid ikun lest li jeħodha kontra din il-forza tremenda?

    Film Amerikan mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ David F. Sandberg u kitba ta’ Henry Gayden u Darren Lemke.  Film pożittiv mill-aspett kristjan, iżda minħabba li jidħol fih il-maġija kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.