Nhar il-Ħamis 24 ta’ Novembru, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mindu ġie ordnat isqof, Mons. Charles Scicluna żar il-Freeport fejn ċċelebra quddiesa f’wieħed mill-imħażen u ltaqa’ mal-impjegati. Il-quddiesa kienet offruta għal dawk li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol. Wara l-quddiesa, l-Arċisqof iddawwar mal-Freeport fejn kellu ċ-ċans jara l-faċilitajiet tal-kumpanija. Fi tmiem iż-żjara, l-Arċisqof bierek niċċa tal-Madonna tad-Duluri u talab mal-impjegati għal dawk il-ħaddiema li mietu.

Filgħaxija, l-Arċisqof iċċelebra l-anniversarju tiegħu b’quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Fl-omelija, l-Arċisqof Scicluna qal li jixtieq jirringrazzja ’l Alla talli fil-poplu li ġie msejjaħ jaqdi, il-Mulej tah okkażjonijiet ta’ faraġ, ta’ umiljazzjoni, ta’ għerf u ta’ sabar. Hu talab lin-nies biex jitolbu għalih.