• ****

    Direttur:        Antoine Fuqua

    Atturi:            Jake Gyllenhaal, Forest Whitaker, Rachel McAdams, Oona Laurence

    Ħin:                124 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 18
     

    Billy “The Great” Hope ikun il-middleweight champion li qatt għadu ma’ ġie megħlub. Iżda issa li beda jikber fiż-żmien Billy beda juri vulnerabilita’: qed jaqla’ aktar daqqiet u fl-aħħar ġlieda li kellu jkollu jitħabat ħafna biex jirbah. Il-manager tiegħu mhux qed jinkwieta;  hu qed jara biss il-flus li jista’ jagħmel minn fuq Billy. Iżda marthu Maureen tara s-sitwazzjoni b’mod differenti: hija trid li Billy jagħmel xi żmien ma’ jiġġelidx biex ifiq mill-ġrieħi li għandu u jkun missier tassew għal binthom Leila. Ftit wara Billy ikun ipprovokat u waqt ġlieda marthu tisfa’ maqtulha. F’qasir żmien Billy jitlef it-titlu, flusu, id-dar lussuża li kellu, u lil binthu. Hu jfittex l-għajnuna u l-parir ta’ trainer ġdid, Tick Wills, li huwa serju ħafna fix-xogħol tiegħu u li jaċċetta li jgħallem lil Billi kif jipproteġi lillu nnifsu fir-ring u jsir boxer intelliġenti. B’hekk huwa joffri lil Billy l-opportunita’ li jerga’ jikseb ir-rispett tiegħu nnifsu u, aktar importanti, ir-rispett ta’ binthu.

    Film drammatiku u t’azzjoni dwar il-boxing maħdun tajjeb ħafna. Il-film huwa aktar dwar l-aspett uman tal-karattri u dwar ir-relazzjonijiet tagħhom milli dwar li wieħed jirbah jew jitlef; iġagħlek tagħti kas aktar ta’ Billy bħala bniedem milli ta’ Billy bħala boxer. Huwa film ukoll dwar redenzjoni, dwar kif wieħed jifdi lilu nnifsu. Il-film fih reċtar mill-aqwa mill-atturi prinċipali. Il-film fih ħafna vjolenza tal-boxing u ħafna kliem oxxen u ħażin. Jgħodd għal udjenza adulat.