Malta's Grand Harbour

Fl-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa Benedittu XVI f’Malta, li għandu jsir bejn is-17 u t-18 t’April li ġej biex jikkommemora l-1950 anniversarju min-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, kienet ippubblikata statistika li tikkonċerna l-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż. L-informazzjoni, aġġornata sa Diċembru 2008, ngħatat mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Knisja f’Malta.

Malta, bil-belt ewlenija tagħha, Valletta, għandha popolazzjoni ta’ 443,000 li minnhom 418,000 (94.4%) huma kattoliċi. Il-pajjiż jilqa’ żewġ djoċesijiet u 85 parroċċa b’kollox. Attwalment huma 9 l-Isqfijiet Maltin, 853 is-saċerdoti, 1,143 ir-reliġjużi, 43 il-membri lajċi ta’ istituti sekulari u 1,231 il-katekisti. L-għadd ta’ seminaristi minuri jammontaw għal 269 filwaqt li dawk maġġuri jgħoddu 91.

Total ta’ 17,786 student jattendu fi 80 ċentru ta’ edukazzjoni kattolika li jvarjaw mill-kindergarten sal-Universita. Istituzzjonijiet oħrajn li jappartjenu għall-Knisja jew huma mmexxija minn saċerdoti jew reliġjużi f’Malta jinkludu 24 dar għall-anzjani jew persuni b’diżabilita, 26 orfanatrofju, 9 ċentri li joffru counselling tal-familja u ċentri favur il-ħajja, 24 ċentru għall-edukazzjoni u r-rijabilitazzjoni soċjali u 4 istituzzjonijiet ta’ xorta oħra. Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll iċ-ċentri tad-duttrina nisranija mmexxija mis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. mwaqqfa minn San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti.