L‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) hi dispjaċuta li d‑differenzi bejn il‑Bord tat‑Tmexxija tal‑Kulleġġ ta’ San Albert il‑Kbir u l‑kap tal‑istess kulleġġ, is‑Sur Mario Mallia, ma ġewx riżolti u wasslu għat‑tmiem tal‑impjieg tas‑Sur Mallia.

Mingħajr ma nidħlu fir‑raġunijiet tat‑tmiem tal‑ħidma tas‑Sur Mallia, l‑Assoċjazzjoni tixtieq tirrikonoxxi l‑kontribut siwi tiegħu għal inklużjoni ta’ diversi studenti u studenti minn realtajiet differenti. Is‑Sur Mallia dejjem fittex modi ġodda kif jista’ jsaħħaħ il‑pożizzjoni ta’ dawk inqas fortunati. L‑Assoċjazzjoni tirringrazzja lis‑Sur Mallia tal‑kontribut kbir li ta għal ħafna snin sabiex l‑iskejjel tal‑Knisja jkomplu jagħtu aktar każ lil min hu batut.

L‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja temmen bis‑sħiħ li l‑iskejjel tal‑Knisja għandhom jibqgħu jitmexxew permezz tal‑ħidma flimkien tal‑persuni lajċi u s‑saċerdoti reliġjużi u djoċesani, hekk kif diġà jseħħ fil‑maġġoranza tal‑iskejjel tal‑Knisja.