Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza, id-dar li tilqa’ fiha persuni b’diżabilita fis-Siġġiewi, issa għandhom aċċess ghal dak li jissejjah Tail Lift Coach li jesgħa tnejn u għoxrin passiġġier u jista’ jakkomoda għaxar siġġijiet tar-roti. Diversi kumpaniji flimkien mal-Malta Community Chest Fund ingħaqdu flimkien biex jgħinu lid-Dar tal-Providenza tixtri dan il-coach ġdid li ġie inawgurat il-Ħamis, 19 t’Awissu minn Mons. Arċisqof Pawl Cremona OP.

Adriana Zarb Adami, Branch Manager tal-BUPA, tat spinta lill-proġett bl-għajnuna ta’ Marquita Buġejja li ingħata bidu wara laqgħa bejn Chris J. Pace, Direttur ta’ GlobalCapital plc u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Adriana qalet li “kien pjacir kbir għaliha li tagħmel parti minn proġett li jgħin biex itejjeb l-istil ta’ ħajja tal-persuni b’diżabilita’” u ħadmet bis-sħieħ biex tikkuntattja kumpaniji privati biex jgħinu finanzjarjament għax-xiri tat-Tail Lift Coach għar-residenti u b’hekk ħolma ssir realta’.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Fr Martin saħaq li trasport aċċessibbli għal persuni b’diżabilita’ joffrilhom opportunitajiet indaqs għal inklużjoni soċjali u għażliet ta’ xogħol. żied jgħid li l-vizjoni tad-Dar tal-Providenza hija li kull resident ikun involut bis-sehem tiegħu fil-komunita’. Għal dan is-sehem u involviment jeħtieġ li jkun hemm sistema ta’ trasport regolari, sikur u aċċessibbli.  Ir-residenti issa se jkollhom aktar aċċess biex jieħdu sehem f’diversi aspetti tal-ħajja tagħhom bħala ċittadini indaqs tas-soċjeta’ tagħna. Fr Martin irringrazzja lid-diversi kumpaniji u l-Malta Community Chest Fund li ingħaqdu flimkien biex jgħinu lid-Dar tal-Providenza tixtri dan il-coach ġdid.

Brian Micallef, wieħed mir-residenti tad-Dar tal-Providenza, qal li hemm ħtieġa kbira li t-trasport pubbliku ikun aċċessibbli. Bħalissa, l-ideja li jkun hemm aċċess għal neċessita’ bħal din tinħtieġ l-isforzi ta’ ħafna nies fil-komunita’.

Waqt li sab hin jirringrazzja l-isponsors kollha involuti, Chris J. Pace qal li għalkemm dan it-Tail Lift Coach huwa kontribut importanti ħafna ghad-Dar tal-Providenza, bħala voluntier, jemmen li l-qsim ta’ ħin mar-residenti hija xi ħaġa ta’ valur inestimabbli. Ir-residenti jibbenefikaw u jħossuhom aktar inklużi meta jkollhom ħabib wicc-imb-wicc. Huwa temm jappella lill-poplu biex jinvolvi ruhhu u jagħti ftit ħin mill-ġurnata bieżla tiegħu lil ħabib fid-Dar tal-Providenza.

It-Tail Lift Coach għandu ċ-ċertifikat Euro 4 u huwa mibni skond standards ta’ sigurezza Ewropej. Huwa mgħammar ukoll, fost affarijiet oħra ta’ sigurta’, b’allarm kontra d-duħħan, ċinturini tas-sigurta’ dijagonali u orizzontali u tagħmir għall-irbit fis-sod tas-siġġijiet tar-roti. Għall-kumdita’ tal-passiġġieri il-coach huwa mgħammar ukoll b’arka ikkondizzjonata.

Id-Dar tal-Providenza tixteq tirringrazzja lill-kumpaniji u organiżżazzjonijiet li għenu finanzjarjament fix-xiri tat-Tail Lift Coach:

Pace Investments Ltd.; Bupa; GlobalCapital plc; The Malta Community Chest Fund; Trelleborg; Corinthia Group; Worldwide Branded Exports Ltd.; Metropolis Developments Ltd.; Express Trailers Ltd.; Simonds Farsons Cisk; Visual Trends Ltd.; Charles Degiorgio Ltd.; Deloitte; Teak for Boats u l-Gollcher Group.

Victor Formosa

PRO Id-Dar tal-Providenza