• ****

    Direttur:        Josh Boone
    Atturi:            Shailene Woodley, Ansel Elgort, Nat Wolff, Laura Dern
    Ħin:                125 minuti
                        
    Klassifika taċ-Ċensura:   12A
    Klassifika tal-Knisja:        15
     
    Hazel Grace Lancaster u Augustus (Gus) Waters huma żewġ żgħażagħ morda bil-cancer iżda li jidher li qedin ifiqu minnhu. Hazel għandha cancer fit-thyroid u li tferxilha fil-pulmun u minħabba f’hekk il-pulmun tagħha għandu tendenza li jintlilha bl-ilma u ma tkunx tista’ tieħu nifs, u għalhekk ikollha ġġorr magħha ċilindru tal-ossiġnu. Gus għandu cancer fl-għadam li minħabba fih kellhom jaqtgħulu waħda minn saqajh. Huma jiltaqgħu f’support group għal pazjenti tal-cancer f’Indianapolis, jagħmlu ħbieb u jinġibdu lejn xulxin. Għall-ewwel Hazel tieqaflu lil Gus u tgħidlu li aħjar jibqgħu ħbieb biss ladarba t-tnejn li huma hemm ċans li jmutu ma jdumux, iżda Gus jibqa’ jinsisti li jħobbha, u Hazel issir tħobbu wkoll. Hazel għandha għal qalbha ħafna ktieb jismu: “An Imperial Affliction”, dwar tfajla, Anna, li jkollha cancer u tmut. Hazel tħajjar lil Gus biex jaqrah ukoll, u meta jaqrah ifittex fejn joqgħod l-awtur tal-ktieb, Peter Van Houten, għax Hazel riedet tagħmillu xi mistoqsijiet. Huma jibgħatulu email ta’ apprezzament u hu jweġibhom u jgħidilhom li jekk ikunu Amsterdam jieħu pjaċir jiltaqa’ magħhom. Meta jiltaqgħu miegħu isibu li hu sakranazz u goff u bl-ebda mod ma ried iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Hazel. F’Amsterdam imorru jżuru id-dar ta’ Anne Frank u hemm jesprimu l-imħabba tagħhom. Lura fl-Amerika Gus imur għal-għar, iżda qabel ma jmut xtaq jagħmel pre-funeral bil-għajnuna ta’ Hazel u ħabibu Isaac.
     
    Film drammatiku u romantiku, adattat mill-ktieb ta’ John Green bl-istess isem, dwar storja romantika ta’ żewġ żgħażagħ bil-cancer. Huwa film magħmul mill-qalb fejn l-atturi jaħdmu parti eċċellenti u jġagħluk tħoss li huma pazjenti tal-cancer ta’ veru. Fih djalogu tajjeb ħafna u sens ta’ umoriżmu. Ta’ min jarah. Il-film fih xi ftit kliem ħażin u xi xeni sesswali. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.