• *****

    Direttur:          Neil Burger

    Atturi:              Kevin Hart, Bryan Cranston, Nicole Kidman, Genevieve Angleson, Aja Naomi King, Juliana Margulies, Rachel Alana Handler u Tate Donovan

    Ħin tal-Film:    126 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Dell Scott waqt li kien qiegħed isuq karozza lussuża b’veloċità qawwija, jitwaqqaf mill-pulizija. Dell iġib l-iskuża li kien qiegħed jieħu lil Philippe, kwadripleġiku lejn l-isptar minħabba li kellu attakk ta’ puplesija. Il-pulizija emmnu. Philppe ppretenda li tassew kien hekk. It-tnejn qarrqu bil-pulizija li anke wassalhom bi skorta fl-isptar. Dell ħelisha ħafif. Sitt xhur qabel, Dell kien sab ruħu jieħu ħsieb lil Philippe li waħdu ma kien kapaċi jagħmel xejn minħabba l-inċident serju li kellu meta kien qiegħed paragliding.  

    Philippe, biljunarju, kien jgħix f’penthouse f’Park Avenue. Kellu lil Yvonne bħala l-assistenta personali tiegħu. Philppe kien tilef lil martu ftit xhur ilu minħabba l-marda tal-kanċer. Għalkemm Dell ma kellux wisq ħajra li jkun caregiver, iżda ma kellux wisq għażla minħabba li kien jinsab fuq parole wara li weħel sitt xhur ħabs fuq serq u ried bilfors isib xogħol. Latrice, eks-martu u ibnu Anthony ma tantx kienu jsibu għajnuna minnu. Kienu jgħixu f’appartament miżerabbli. Dell fortunatament fix-xogħol ġdid, sab kenn fid-dar lussuża ta’ Philippe minħabba li x-xogħol tiegħu kien 24/7. Għalkemm ma kellux esperjenza professjonali f’dan ix-xogħol u l-metodi tiegħu kienu inkonvenzjonali, iżda malajr inbena rapport bejniethom.  

    Phillipe sar jaf li Dell kien weħel il-ħabs fuq serq, iżda l-importanti għalih kien li Dell jagħmel dmiru u jgħinu biex ikun jista’ jgħix kemm jista’ jkun ħajja normali. Din ir-relazzjoni bejniethom ġiet ipperikolata meta hu sar jaf li Dell kien seraq ktieb prezzjuż għalih mill-librerija biex jagħtih rigal lil ibnu. Sadanittant, Dell skopra l-arti moderna, mużika operistika u l-abiltà li jpitter. Għal għeluq snin Phillipe, Dell u Yvonne organizzaw riċeviment b’unur tiegħu, iżda Philppe xejn ma ħa pjaċir u f’rabja bagħat lil kulħadd ‘l barra. X’jiġri minn hawn? Matul dawn ix-xhur minn meta Dell beda jaħdem ma’ Philippe, rrnexielu jgħatih ħajja ġdida, iżda x’futur fit-tul kellu Dell miegħu?

    Film imsejjes fuq storja vera mill-ħajja ta’ Philppe Pozzo di Borgo taħt id-direzzjoni ta’ Neil Burger u kitba ta’ Jon Hartmere. Fis-sena 2011 inħadem film Franċiz bl-isem ta’ The Intouchables. Minħabba l-użu tad-droga marujana, umoriżmu sesswali kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.