• It-Tnejn 26 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni Djoċesana Tfal organizzat attività ta’ tindif ħdejn il-baħar. Madwar 20 tifel u tifla, flimkien mal-mexxejja tagħhom, inġabru waranofsinhar fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.

    Hemmhekk ġabru skart li kien mormi fir-ramel tal-bajja, fuq il-blat ta’ biswit, u fit-triq ta’ maġenbha. Wara din l-attività, il-membri tal-kummissjoni u dawk kollha preżenti niżlu jgħumu f’ambjent iktar nadif milli sabuħ. It-tfal ġabru skart ta’ kull tip li ġie separat f’boroż apposta, fosthom biċċiet ta’ ħġieġ u madum, ikel u bċejjeċ tal-baħar, plastik u karti, u madwar elfejn loqma ta’ sigarett.

    L-iskop ewlieni tal-attività li saret fuq bażi volontarja kien li titqajjem kuxjenza fost żgħażagħ u tfal, biex minn età żgħira jżommu l-ambjent li jgħixu fih aktar nadif. Din l-inizjattiva kienet ispirata wkoll mit-tagħlim tal-Papa Franġisku li kontinwament jappella sabiex inħarsu lid-dar komuni tagħna.

    Ritratti: knisja.mt/ritratti