L-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi qal li talab lil Beatu Carlo Acutis, li mistenni jiġi kkanonizzat fiż-żmien qarib li jirnexxielu jlesti x-xbieha tiegħu għax kien hemm ix-xewqa li din tintmess mal-qabar tiegħu.
Hu ġie kkumissjonat mill-Arċipriet Dun John Sultana għall-Parroċċa ta’ Santa Marija Assunta fiż-Żebbuġ Għawdex.
Il-korijiet tal-Parroċċa Santa Marija u Regina Angelorum taħt id-direzzjoni tal-Maestro Franco Cefai kellhom l-okkażjoni jkantaw fil-Vatikan, Pantheon, San Paolo Fouri le Mura, Cascia u fosthom Assisi fejn din ix-xbieha ntmisset mal-qabar ta’ Carlo Acutis waqt quddiesa iċċelebrata mill-Arċipriet.
Dan iż-żagħżugħ Taljan se jsir l-ewwel qaddis millennarju tal-Knisja Kattolika. Carlo Acutis, li miet bil-lewkimja fl-2006 fl-età ta’ 15-il sena, kien magħruf għall-użu tal-ħiliet tal-kompjuter tiegħu biex ixerred l-għarfien tal-fidi Kattolika u kien kiseb il-laqam ta’ “l-influencer ta’ Alla.” Carlo Acutis kien ġie ddikjarat Beatu, fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu, nhar l-10 ta’ Ottubru 2020. Ommu kienet ħadet sehem fl-ewwel edizzjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal.
L-istorja tiegħu, li spiss jidher impinġi liebes jeans u żarbun tal-ġiri, hija meqjusa bħala ta’ għajnuna għall-Knisja Kattolika peress li tfittex li tingħaqqad aħjar mal-ġenerazzjoni żagħżugħa f’era diġitali. Minħabba f’hekk, Carlo Acutis sar popolari mal-gruppi taż-żgħażagħ Kattoliċi.
Din hija l-ewwel statwa xbieha tiegħu fil-gżira Għawdxija, hija ta’ metru u se tinżamm għal qima u devozzjoni fuq wiehed mill-artali tal-Knisja tul is-sena kollha. Hu kien ħadem xbieha għall-komunità tal-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) fir-Rabat biss dan kien bust u li f’sidru hemm relikwa tax-xagħar ta’ Acutis.
Camilleri Cauchi qal li xtaq iżomm is-sempliċità ta’ dan il-qaddis żagħżugħ u qara u fittex ħafna dwaru biex iqarreb in-nies lejh u jitolbu mill-qalb. Ix-xebh huwa kruċjali meta jsir xogħol artistiku bħal dan u semma ċ-ċintorin u l-lazz tiegħu li kienu dettalji żgħar li jagħmlu differenza kbira.
Kompla jgħid li hu dejjem jitlob talba żgħira qabel jibda x-xogħol biex bit-talent tiegħu jagħti glorja lil Alla.
Sors: Newsbook.com.mt