L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Qed niċċelebraw illum bil-ferħ il-pussess ta’ tliet kanonċi ġodda ta’ din il-Kolleġġjata għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni. Intom hawnhekk għandkom il-grazzja li tqimu lil Marija Ommna li, kif nafu, kellha titlu speċjali tassew għal qalbha: dak ta’ “qaddejja tal-Mulej”. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” tgħid lill-anġlu Gabrijel; “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” tgħid fil-Kantiku tagħha. It-titlu ta’ “qaddejja” hu l-isbaħ titlu għaliha.

Imma għal Marija dan ma kienx biss titlu; kien programm ta’ ħajja. Dejjem hekk insibuha – taqdi. Għalhekk nistiden lilkom, it-tliet kanonċi ġodda, naturalment flimkien mal-kanonċi l-oħra, il-kapitlu kollu, biex tagħmlu miż-żmien tagħkom bħala kanonċi programm ta’ qadi. Alla qed isejħilkom biex taħdmu fl-għalqa tiegħu, kif smajna fil-Kelma ta’ Alla llum, u biex tagħmlu din il-ħidma “f’kulma hu veru, f’kulma hu xieraq, f’kulma hu ġust, f’kulma hu safi, f’kulma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu ġieħ, f’kulma hu virtù, f’kulma ħaqqu t-tifħir” (Fil 4:8). Hekk tkunu tixbhu verament lil Marija.

F’din l-okkażjoni sabiħa ta’ tliet kanonċi ġodda nixtieq nagħmel ukoll proposta li nsejħilha “proposta ta’ tliet wardiet”. Intom tafu li hemm wardiet ta’ tipi differenti. Hemm ward li jsebbaħ il-ġonna, hemm ward sabiħ li ġieli nagħmlu b’qima fil-knejjes mal-istatwa jew ma’ kwadru, imma hemm ward ieħor isbaħ li jolqot il-ħajja ta’ kuljum u, ngħiduha kif inhi, huwa l-aktar li jogħġob lil Marija. Nixtieq li intom tieħdu dawn it-tliet wardiet u toffruhom lil Marija Immakulata.

Il-warda tal-għożża tal-ħajja

L-ewwel warda hija l-warda tal-għożża tal-ħajja. Marija tifraħ b’mod partikulari b’din il-warda, hi li hi omm il-ħajja u dejjem insibuha tipproteġi l-ħajja.

Hi l-warda tal-għożża tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hawnhekk intom il-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni. Min-natura tagħkom, billi tal-Kunċizzjoni, intom il-ħin kollu qed tistqarru li l-ħajja umana tibda mat-tnissil. Marija kienet imnissla mingħajr tebgħa. Dakinhar, ma kienx hemm ftit ċelloli mingħajr tebgħa li ’l quddiem setgħu saru xi ħaddieħor jew xi ħaġa oħra imma kienet Marija mnissla mingħar tebgħa.

Nistedinkom biex tkomplu tisimgħu l-għajta ta’ min għaddej minn tbatija imma wkoll il-karba siekta ta’ min qed isofri imma l-leħen tiegħu ma jinstemax

Ngħid xi ħaġa li għandha tkun ovvja imma mhijiex ovvja għal kulħadd: min jirraġuna li l-ħajja ma tibdiex mat-tnissil imma xi mument ieħor qed jiċħad il-Kunċizzjoni. Sakemm intom tibqgħu tiċċelebraw lill-Kunċizzjoni, intom l-ikbar stqarrija tal-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tagħha. Għalhekk inħeġġeġ b’mod speċjali lilkom bħala parroċċa, u bħala kolleġġjata, li tkunu fuq quddiem fil-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħajja u twasslu lil kulħadd dan il-messaġġ li hu tant marbut mal-Kunċizzjoni, l-għaxqa tal-Bormliżi.

Il-warda tat-tifħir ta’ isem Marija

It-tieni warda hi l-warda tat-tifħir tal-isem imqaddes ta’ Marija. Intom għandkom hawnhekk innijiet sbieħ ta’ tifħir lil Marija, u Marija jistħoqqilha tassew kull tifħir.

Imma ma nafx qatt innutajtux li l-aktar isem imkasbar f’Malta hu dak ta’ Marija. L-isem tagħha hu kemm-il darba l-mira ta’ min hu rrabjat, ta’ min jitlef sabru, imma wkoll ta’ min irid jagħmel il-punt, jew irid jiffanfra u jiżżufjetta. Kultant wieħed ikasbarha bla ma jinduna, mhux b’mibegħda; kultant wieħed ikun jaf x’qed jagħmel. Dan l-aħħar weġġajt meta rajt filmati qosra fuq il-media soċjali ta’ Maltin li bil-kliem iżebilħu lill-Madonna. Qisu xejn mhu xejn! Hi verament tal-mistħija. Min joffendi lilha jkun qed iweġġa’ lil Alla wkoll.

Għalhekk il-warda li nixtieq li toffru u li tkun tirrifletti tassew is-sentimenti ta’ ħafna f’Bormla hi l-warda ta’ tifħir. “Imbierek l-isem ta’ Marija Verġni u Omm” ngħidu dejjem kull darba fit-talbiet wara l-Barka Sagramentali, u nixtieq li dan it-tifħir ikun fuq fomm kulħadd f’Bormla, u tgħiduh bil-ferħ, ta’ spiss, ukoll bi tpattija għal tant offiżi li tirċievi Marija.

Is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Il-warda tas-solidarjetà

It-tielet warda hi l-warda tas-solidarjetà, tal-ħarsien soċjali b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna. Nafu li marbuta mill-qrib mal-fidi tagħna hi l-kura u l-qadi ta’ dawk li huma fi bżonn, speċjalment il-persuni l-iktar vulnerabbli u dgħajfa jew li għaddejjin minn żminijiet diffiċli.

Nistedinkom biex tkomplu tisimgħu l-għajta ta’ min għaddej minn tbatija imma wkoll il-karba siekta ta’ min qed isofri imma l-leħen tiegħu ma jinstemax. B’mod speċjali dawk li huma waħedhom u jixxennqu għal xi ħadd li jismagħhom; l-anzjani li tant għaddejjin minn żmien diffiċli f’din il-pandemija, speċjalment dawk li għandhom “kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri”, li huma ħafna; u dawk li huma vittmi ta’ abbuż bejn il-ħitan tad-dar. Nitolbu llum li dawn ukoll isibu l-għajnuna konkreta li jeħtieġu biex joħorġu minn din il-pjaga, u kulħadd ikun rispettat fid-dinjità tiegħu jew tagħha.

Marija Ommna tifraħ b’din il-warda li aħna noffrulha li tkun l-impenn soċjali permezz ta’ inizjattivi favur il-persuni l-aktar fil-bżonn. Naf li din hi karatteristika sabiħa tal-Knisja fil-Kottonera. Għalhekk inħeġġiġkom biex niftakru dejjem li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

F’din iċ-ċelebrazzjoni tat-tliet kanonċi ġodda, nistedinkom toffru dawn it-tliet wardiet lill-Immakulata Kunċizzjoni. Toffruhom bħala l-impenn tagħkom biex dan il-Kapitlu jkun dejjem xhud sabiħ tal-imħabba ta’ Ommna Marija hi u twassalna għand Ġesù. Niftakru dak li smajna fl-Evanġelju llum: Ġesù hu “l-ġebla li warrbu l-bennejja li saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21:42). Aħna fuqu rridu nibnu l-ħidma tagħna. Jalla s-servizz tagħkom ikun iserraħ fuq din il-ġebla, ħalli l-ħidma tagħkom fl-għalqa tal-Mulej tħalli ħafna frott.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

More Photos >>