L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa qegħdin 10 u ħa nsaqsi mistoqsija lilkom, lilkom l-10 li se tirċievu llum is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Hawn xi ħadd minnkom illi jiftakar dakinhar tal-Magħmudija? Jidher m’hawn ħadd. Jiena tiegħi ma niftakarhiex, naħseb il-kappillan lanqas, Patri Elija lanqas u ħafna minna hawn – jista’ jkun hawn xi ħadd jiftakarha – imma ħafna minna hawn ma niftakrux dakinhar tal-Magħmudija u ma niftakruhiex għax dakinhar mhux aħna ġejna l-knisja imma ġabuna l-ġenituri tagħna. Dakinhar, għax riedu jagħtuna mill-bidu l-isbaħ u l-aħjar, ġabuna biex aħna nirċievu s-sagrament tal-Magħmudija. Dakinhar wieġbu għalina l-ġenituri tagħna u l-parrini, meta saru dawk il-mistoqsijiet mis-saċerdot, huma wieġbu f’isimna.

Issa llum għaddew is-snin minn dakinhar tal-Magħmudija u llum intom ġejtu hawnhekk biex tirċievu dan is-sagrament, mhux ġabukom il-ġenituri tagħkom – erfgħukom ħa ngħidu hekk, għax jista’ jkun ġejtu magħhom, imma intom issa li ġejtu u ġejtu biex tikkonfermaw dak li għamlu l-ġenituri tagħkom dakinhar tal-Magħmudija. Ġejtu biex intom tikkonfermaw dik l-għażla. Għalhekk dan is-sagrament jissejjaħ ukoll is-Sagrament tal-Konfermazzjoni, il-għaliex l-Ispirtu s-Santu bil-qawwa tiegħu qed jikkonferma dik l-għażla li intom qed iġġeddu li għamlu l-ġenituri tagħkom dakinhar tal-Magħmudija.

Għalhekk illum hija okkażjoni kbira ħafna, sabiħa u hija qabel xejn okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għal dawk kollha li għenukom tul is-snin biex taslu għal din il-ġurnata, jiġifieri l-ġenituri, il-parrini tal-Magħmudija u llum li qegħdin fejnkom għal dan is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, il-kappillan u r-reliġjużi ta’ din il-parroċċa, il-katekisti li ppreparawkom għal din il-ġurnata, dawk kollha li għenukom biex taslu għal din il-ġurnata. Illum nibdew billi qabel xejn ngħidu grazzi lil Alla għal dawk kollha li għenukom.

Hija ġurnata kbira għax llum jinżel fuqkom l-Ispirtu s-Santu bħal dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin meta niżel fuq l-appostli. Dakinhar raw xi ħaġa hekk kif għandi jien hawn wara, tarawh? Imma dan mhux nieżel, dan qiegħed hemmhekk, mhux se jaqa’, jiġifieri biex intom tiftakru għax rawh forma ta’ ħamiema nieżel, nieżel fuq l-appostli. Imma l-importanti ma kienx li raw l-Ispirtu s-Santu forma ta’ ħamiema, l-importanti kien il-bidla li ġab fihom. Min-nies magħluqa ġo kamra mbeżżgħin mill-oħrajn, allura l-biża’ li joħorġu, saru nies mimlija kuraġġ li joħorġu u li jxandru lil Ġesù u jagħmlu dan bla biża’.

Għalhekk illum meta jinżel fikom l-Ispirtu s-Santu se jagħtikom dawk id-doni tiegħu. Ħa naraw tiftakruhomx id-doni. Intom għandkom għajnuna f’din il-parroċċa għax jekk tiftħu dak il-ktieb mill-ewwel paġna sal-aħħar kollha qegħdin hemm miktubin. Imma ejja niftakru liema huma dawn id-doni tal-Ispirtu s-Santu. Ngħiduhom flimkien: għerf, fehma kunsill, qawwa, xjenza, pjetè u biża’ t’Alla. Dawn is-seba’ doni li se jagħtikom l-Ispirtu s-Santu li permezz tagħhom jgħinkom biex tkunu Nsara ta’ veru. Ħa nsemmi ħaġa importanti, tista’ ssemmi ħafna fuq dawn id-doni, imma ħa nsemmi waħda importanti ħafna: li permezz ta’ dawn id-doni l-Ispirtu s-Santu jagħtikom il-qawwa biex tkunu Nsara ta’ veru, li ma tibżgħux u ma tistħux tkunu Nsara u tidhru li intom Nsara, li tant hija importanti llum – dejjem kienet fl-istorja tal-Knisja, is-snin kollha, imma ħa ngħidu llum għax aħna llum qed ngħixu, mhux hekk?

Hija importanti ħafna li aħna ma nibżgħux nkunu Nsara u nidhru li aħna Nsara. Forsi jkun hemm min jgħidli: ‘Min xiex għandek tibża’? Għaliex għandek tibża’?’ Jiena dak li qed ngħid: m’għandniex għalfejn nibżgħu. Imma ħa ngħidilkom kultant x’jiġrilna u araw jekk hux veru. Meta aħna dħalna l-knisja hawn u bdejna l-quddiesa kulħadd radd is-salib, mhux hekk? U meta niġu l-knisja nroddu s-salib, kulħadd qed iroddu. Imma nagħmlu mod li inti tkun xi mkien u tkun pereżempju se tiekol u taf li ħaġa sabiħa li tgħid it-talba ta’ qabel l-ikel. Kultant jiġri li inti tibża’ trodd is-salib quddiem l-oħrajn, tibda tħares lejn dak jew dik ta’ maġenbek tara jekk hiex se trodd is-salib biex imbagħad fil-każ troddu int ukoll. Qisu aħna għandna bżonn permess ta’ xi ħadd biex inroddu s-salib. Imma kultant tiġrilna din minħabba l-oħrajn, minħabba dawk li qegħdin madwarna, nibżgħu anke nroddu s-salib kultant.           

L-Ispirtu s-Santu jagħtikom il-qawwa biex intom tagħmlu dak li hu tajjeb anke jekk l-oħrajn ta’ madwarkom mhux qed jagħmluh

Dak eżempju wieħed, hemm affarijiet oħra. Pereżempju tkun ma oħrajn li qeghdin jitkellmu kliem ħażin u inti qisek tibża’ ma tkunx bħalhom għax inkella jgħidulek: ‘Inti biss, dan għaliex inti hekk?’ Qisek tibża’ ma tkunx bħall-oħrajn. Jew l-oħrajn ikunu qegħdin jitkellmu ħażin fuq l-oħrajn, fuq il-proxxmu u dak għax ta’ razza oħra jew ta’ reliġjon oħra, jgħajruhom u inti tibda  qisek tagħmel bħalhom għax kulħadd qed jagħmel hekk.

L-Ispirtu s-Santu jagħtikom il-qawwa biex intom tagħmlu dak li hu tajjeb anke jekk l-oħrajn ta’ madwarkom mhux qed jagħmluh u ma tagħmilx dak li hu ħażin anke jekk fejn qiegħed jew fejn qiegħda madwarek l-oħrajn qed jagħmlu dak li hu ħażin. Għax aħna l-ħażin u t-tajjeb mhux għax tagħmlu l-oħra u għax qed jagħmlu dak, nafu x’inhu għallimna Ġesù u allura l-Ispirtu s-Santu jagħtikom din il-qawwa biex dak li tgħallimtu tul dawn is-snin tistgħu tgħixuh bla biża’ u bla mistħija għax aħna Nsara li aħna ferħanin bil-fidi tagħna. 

Issa ejja nħarsu ’l quddiem wara din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-lum, fiż-żmien li ġej. Minn għada ’l  quddiem huwa importanti li dak li intom qegħdin tiċċelebraw illum, intom tkomplu tgħixuh fis-snin li ġejjin. U ħa nsemmi żewġ affarijiet li huma importanti ħafna għalikom biex tgħixu dak li qed tiċċelebraw illum. L-ewwel nett li tkomplu titgħallmu, tkomplu tiffurmaw ruħkom. Tgħallimtu ħafna tul dawn is-snin imma tgħidux tgħallimt biżżejjed, għax huwa importanti li tkomplu titgħallmu, kulħadd anke min hu kbir hawnhekk, imma intom fl-età tagħkom għandkom bżonn ħafna t-tagħlim li jgħinkom fil-ħajja. U għalhekk li tfittxu okkazjonijiet anke ta’ laqgħat fi gruppi. Pereżemju jiena smajt illi hawn grupp anke ta’ żgħażagħ ta’ wara l-Griżma, hux hekk Kappillan? Isegwih Patri Elija. Kemm hu importanti li intom ikollkom gruppi bħal dawn ħalli tkomplu tikbru bħala Nsara. Dik l-ewwel ħaġa.  

It-tieni ħaġa hija wkoll importanti ħafna: li tkomplu tieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd. Qed insemmi l-quddiesa tal-Ħadd għax huwa Jum il-Mulej. Fil-ġranet l-oħra wkoll hija ħaġa sabiħa li wieħed jekk jista’ jisma l-quddies, imma ħa nitkellmu fuq il-ġurnata tal-Ħadd, Jum il-Mulej. Aħna bħala Nsara għandna nieħdu sehem fil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd għax kull nhar ta’ Ħadd hu Jum il-Mulej, mhux pereżempju t-tieni Ħadd tax-xahar jew l-aħħar Ħadd tax-xahar hu biżżejjed, kull nhar ta’ Ħadd. Il-Mulej isejħilna kull nhar ta’ Ħadd biex ninġabru flimkien bħala komunità, nisimgħu l-Kelma tiegħu, niċċelebraw l-Ewkaristija. U għalhekk huwa importanti. Jien ċert li l-kappillan, Patri Elija, ir-reliġjużi u kull min ikun hawnhekk fil-parroċċa jieħdu gost jarawkom hawn nhar ta’ Ħadd tiċċelebraw il-quddiesa f’Jum il-Mulej. U hi ħaġa sabiħa li tfittxu li tiġu.         

Imma anke jekk ma tkunux hawn, ma tkunx Ta’ Xbiex imma tkun pereżempju Wied il-Għajn jew inkella tkun Għawdex u meta tkun Għawdex tkun hemmhekk il-Ħadd u tibda tgħid: ‘Għawdex hawn xi quddiesa, tgħid?’ Issa Għawdex hemm ħafna quddiesa fil-knejjes imma trid tmur int, mhux hekk? Tkun pereżempju Ħondoq ir-Rummien, hemm isfel, trid titla’ naqra ’l fuq sal-knisja biex ikun hemm quddies mhux se tinżel il-quddiesa fejn il-baħar, tajjeb? Imma dak hu l-impenn tagħna bħala Nsara li aħna ngħidu: ‘Illum il-Ħadd, jien niċċelebra l-Ħadd permezz tal-quddiesa’. U dak huwa importanti għalikom ukoll ìntom li se tagħmlu, tirċievu dan is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, li intom tkunu Nsara ta’ veru, li verament tgħixu l-fidi tagħkom u tgħixuha b’mod sabiħ. Għalhekk ftakruhom dawn iż-żewġ affarijiet: li tkomplu tiffurmaw ruħkom titgħallmu u tkomplu tieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd.

L-aħħar ħaġa li xtaqt insemmi lill-parrini li qegħdin fejnkom u lill-ġenituri preżenti hawnhekk ukoll u qraba oħra tal-familja tagħkom f’din il-quddiesa. Intom illum qed tifirħu ma’ dawn l-adolexxenti u għandkom biex. Għandkom għal xiex tifirħu f’din l-okkażjoni hekk speċjali tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Nixtieqkom tiftakru fir-responsabbiltà li Alla qed jafda f’idejkom. Alla qed jafdalkom il-ħajja ta’ dawn l-adolexxenti biex intom tgħinuhom jikbru fil-fidi Nisranija. Hija xi ħaġa kbira, ta’ responsabbiltà kbira, hija xi ħaġa sabiħa.

Nixtieq insemmi tliet affarijiet ta’ għajnuna li bihom intom tistgħu tgħinu lil dawn l-adolexxenti. L-ewwel nett billi tgħidulhom kelma ta’ ġid, kultant m’hemmx bżonn ħafna kliem, imma kelma ta’ ġid, kelma ta’ inkoraġġiment li tant għandhom bżonn, speċjalment huma u jikbru. It-tieni billi titolbu għalihom bħalma qed tagħmlu llum f’din il-quddiesa, titolbu għalihom, tgħidu talba kuljum, anke talba qasira għal bżonnijiet tagħhom biex il-Mulej jgħinhom huma u jikbru jgħinhom anke jaffaċċjaw id-diffikultajiet tal-ħajja bil-kuraġġ. U t-tielet ħaġa: semmejt jiena kelma ta’ ġid, u t-talb – li intom tagħtuhom eżempju ta’ ħajja Nisranija. Jiġifieri li meta jħarsu lejkom jgħidu: ‘Ara kemm hu sabiħ tkun Nisrani llum. Ara kemm hu sabiħ tgħix il-fidi tiegħek’ għax qed jaraw l-eżempju fikom għax intom tkunu xhieda tal-fidi għalihom. U għalhekk b’dawn it-tliet affarijiet: kelma ta’ ġid, bit-talb u bix-xhieda, naħseb tistgħu tgħinuhom ħafna biex dak li qed jiċċelebraw illum ikomplu jgħixuh ħajjithom kollha.

Illum nirringrazzjaw ’l Alla għalhekk, nifirħu ħafna magħhom dawn l-adolexxenti, nagħtuhom l-appoġġ u s-sapport tagħna u ejja kif għamilna nerġgħu nagħmluha għax ħaġa sabiħa biex nuruhom tassew dan l-appoġġ, inċapċpulhom waħda kbira.

✠ Joseph Galea-Curmi   
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti >>