• Direttur: Stephen Daldry

    Atturi: Selton Mello, Wagner Moura, Rooney Mara, Martin Sheen

    Ħin: 113 minuti

     

    Klassifika taċ-Ċensura: 15

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Jose Angelo, raġel Brażiljan tal-klassi medja, qabel mal-pulizija jaqbduh, iwaddab kartiera fi trakk taż-żibel li jkun għaddej. Ftit siegħat wara Raphael, tifel ta’ 14 il-sena li jgħix f’waħda mill-favelas ta’ Rio de Janeiro, isib dik il-kartiera waqt li jkun qed ifittex fiż-żibel flimkien ma’ sieħbu Gardo. Huwa jaqsam il-flus li jsib fiha ma’ sieħbu, iżda meta pulizzija korrott jiġi jfittex dik il-kartiera u joffri rigal lil min isibha, Raphael  li dik il-kartiera issarraf ħafna. Iż-żewġ żgħażagħ jaħarbu u jsiru jafu mingħand sħabhom ieħor, Rato, li ċavetta li kien hemm fil-kartiera hi ta’ locker li jinsab fil-qalba tal-belt. It-tlieta li huma jitilqgħu lejn il-belt, bil-pulizzija jiġru warajhom. Fil-locker isibu biċċa karta b’kodiċi fiha. Huma jerġgħu lura lejn il-favela tagħhom u jmorru għand Father Julliard biex jużaw il-computer tiegħu u jsiru jafu x’inhu dak il-kodiċi. Spettur tal-pulizzija krudil jipprova joqtol lil Raphael iżda huwa jsalva u jisma’ lil pulizzija jsemmu lil Antonio Santos li ħareġ għall-elezzjoni ta’ Sindku.  Bl-għajnuna ta’ Olivia, li tkun l-assisstenta ta’ Fr Julliard, Garda jmur f’ħabs biex ikellem lil Clemente, li ż-żgħażagħ kienu sabu ittra indirizzata lilu u li kien jiġi z-ziju ta’ Jose Angelo. Iż-żgħażagħ mbagħad imorru jfittxu fid-dar ta’ Santos u jsiru jafu li Jose Angelo kien seraq madwar 4 miljun dollari kif ukoll ir-reġistru ta’ Santos li fih kien iniżżel il-ħasijiet ta’ tixħim li kien jirċievi.

    Film thriller, adattat mill-ktieb ta’ Andy Mulligan, dwar tlett żgħażagħ li jgħixu fis-slums ta’ Rio de Janeiro li jsibu evidenza li twassal għall-waqgħa ta’ politikant korrott. Fih messaġġ kontra l-korruzzjoni. Film pjaċevoli, li b’xi mod jixbaħ lil film “Slumdog Millionaire”. It-tlett itfal/żgħażagħ li huma l-protagonisti tal-film jaqalgħu l-parti tagħhom tajjeb ħafna.  Fih ħafna kliem ħażin u xeni ta’ vjolenza imdemmija. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.