Christian persecution

L-Osservatur Permanenti tal-Vatikan għall-Aġenziji Amerikani f’Ġinevra, l-Arċisqof Silvano Tomasi, qal li iktar minn 100,000 nisrani jinqatlu kull sena minħabba l-fidi tagħhom, miljuni oħra jiffaċċjaw inġustizzji, intolleranzi u emarġinazzjoni minħabba l-fidi tagħhom.

Quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet Umani huwa fisser li riċerka kredibbli minn Massimo Introvigne, li kien rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni kontra l-insara, wasslet għal konklużjoni xokkanti li iktar minn 100,000 nisrani qed jinqatlu bi vjolenza kull sena minħabba t-twemmin tagħhom. F’xi pajjiżi tal-punent, kompla jgħid, speċjalment fejn storikament, il-preżenza nisranija kienet parti integrali mis-soċjeta, tfaċċat xejra li ttendi timmarġinalizza l-Kristjaneżmu fil-ħajja pubblika, tinjora l-kontribuzzjoni storika u soċjali tiegħu u tirrestrinġi l-abbilta tal-komunitajiet ta’ fidi fit-twettiq ta’ servizzi ta’ karita.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Tomasi qal li r-reliġjon nisranija, bħal komunitajiet oħra ta’ fidi, taqdi l-ġid tal-umanita billi teduka lill-membri tagħha fir-rispett lejn id-dinjita umana, fid-drittijiet u r-responsabbiltajiet lejn xulxin u fil-qadi tal-komunitajiet u tal-foqra, permezz tal-iskejjel, l-isptarijiet, id-djar tal-anzjani, il-kampijiet tar-refuġjati u atti oħra ta’ karita.

F’laqgħa f’Tirana l-Albanija, fil-jiem li għaddew, is-Segretraju għall-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi qal li fl-istati membri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, inkluż 57 pajjiż fl-Ewropa, l-Asja Ċentrali u l-Amerika ta’ fuq, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni kontra l-insara ma naqsux imma żdiedu.