L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta ngħidu “nitolbu għal vokazzjonijiet”, moħħna jmur mill-ewwel fis-sejħa li jagħmel Alla għall-ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Bir-raġun, imma hemm diversi sejħiet oħra, u waħda mill-vokazzjonijiet importanti hi dik għall-ħajja miżżewġa.

Ħajja li ġejja minn Alla

Il-kelma ta’ Alla, mill-ktieb tal-Ġenesi – ktieb li nkiteb tant snin ilu imma jibqa’ attwali, anzi forsi qatt ma kien daqshekk attwali f’ċerti punti li jagħmel – tgħidilna li ż-żwieġ hu vokazzjoni. Hi ħajja li ħoloqha Alla. L-istorja, bix-xbihat li ntużaw fiha, turi ċar: Alla ħalaq raġel u mara, sieħeb u sieħba ndaqs. Iż-żwieġ, fil-ħsieb ta’ Alla, hu bejn raġel u mara, li huma msejħin biex isiru ġisem wieħed. Alla ried li jixbhuh fi mħabbtu billi jingħataw lil xulxin b’mod sħiħ. Hi għotja li tista’ tagħti l-frott fit-tnissil ta’ ħajja ġdida. Is-silta mill-Ġenesi hi ċara: iż-żwieġ mhux qiegħed hemm biex xi ħadd jiddomina fuq ħaddieħor – ir-raġel fuq il-mara jew il-mara fuq ir-raġel. Qiegħed biex dawn jingħataw lil xulxin, mhux biex jiddominaw. Hi sejħa għal ħajja ta’ mħabba li tfisser fedeltà u kemm-il darba sagrifiċċju, li hu t-test veru tal-imħabba.

Diffiċli imma mhux impossibbli

Imma dan hu possibbli? U meta jinqalgħu l-problemi, x’nagħmlu? Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna: hu veru li fil-ħajja taż-żwieġ jinqalgħu diversi problemi, kultant kbar, ġieli jkun hemm l-inkwiet. Imma li żgur hu importanti hu li wieħed jistaqsi lilu nnifsu: kemm qed infittex soluzzjoni billi niddjaloga, flok naqta’ għal rasi u nfittex l-interessi tiegħi? Kemm qed nipprova li fiż-żwieġ imħabbti tkun bħalma għallimna Alla: safja, mimlija paċenzja u ħniena, naħfer, ngħix b’fedeltà? Kemm qed infittex għajnuna, qabel xejn l-għajnuna ta’ Alla, u l-għajnuna minn min jista’ jagħtiha?

Iż-żwieġ mhux qiegħed hemm biex xi ħadd jiddomina fuq ħaddieħor – ir-raġel fuq il-mara jew il-mara fuq ir-raġel. Qiegħed biex dawn jingħataw lil xulxin, mhux biex jiddominaw

Hu b’dal-mod li wieħed jiskopri li diffiċli kultant imma mhux impossibbli li tkun leali lejn il-kelma li tajt li żżomm ruħek fidil/a fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, fil-waqtiet sbieħ imma wkoll fil-morr tal-ħajja.

Rabta li ma tinħallx

L-Evanġelju tal-lum iwieġeb mistoqsija: allura ż-żwieġ hu għal dejjem, ma jinħallx?  Ir-risposta hi ċara: “dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem”. Ma tistax tkun aktar ċara. Fiż-żwieġ, il-miżżewġin jagħtu kelma lil xulxin li jkunu ta’ xulxin għal dejjem. Hi rabta li ma tinħallx. Għalhekk ma nistgħux nagħmluha rabta għal ċertu żmien biss, qisha mhijiex għal dejjem. Tkun kontra n-natura taż-żwieġ.

L-appell tiegħi hu biex it-tfal iż-żgħar, mindu żgħar, inġibuhom il-knisja … Jgħajtu kemm jgħajtu, inħalluhom jikkomunikaw bil-mod tagħhom, imma posthom hu hawn mhux barra mill-komunità

Min għaddej minn tbatija

Naturalment, jeżistu diversi sitwazzjonijiet dolorużi, ta’ tbatija. Hemm persuni li spiċċaw vittma tat-tradiment, li baqgħu waħedhom. Hemm min kellu bilfors jissepara minħabba sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika, jew ta’ abbuż tip ieħor. Fejn hemm it-tbatija, aħna għandna nkunu dejjem dawk li noffru l-għajnuna, l-appoġġ u s-solidarjetà. Il-Knisja, filwaqt li twassal il-ħsieb ta’ Ġesù għall-ħajja taż-żwieġ, u kemm dan hu kruċjali fil-bini tas-soċjetà, twassal ukoll l-attitudni ta’ Ġesù lejn dawk li qed ibatu, u tipprovdilhom l-għajnuna li jeħtieġu.

F’din il-quddiesa, nitolbu lil Alla biex ikompli jsaħħaħ il-ħajja bejn il-miżżewġin – biex jaqsmu ħajjithom flimkien, fil-ferħ u fin-niket; biex isibu ħin ħa jitkellmu ma’ xulxin, jitolbu flimkien. Nitolbuh biex ikun ma’ dawk li qed ibatu, u speċjalment ma’ dawk li huma vittmi. Nitolbuh biex ilkoll nagħtu sehemna ħalli tissaħħaħ il-familja.

L-għożża tat-tfal

Il-punt fl-aħħar parti tal-Evanġelju jurina l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal. Lil Ġesù jressqulu xi tfal biex iberikhom. Hu jħaddanhom u jberikhom, u jċanfar lil dawk li qabdu jgħajtu magħhom. Nitolbu li bħal Ġesù jkollna dejjem f’qalbna l-protezzjoni u l-ħarsien tat-tfal minn kull tip ta’ periklu u sfruttament, ġej minn fejn ġej. Nitolbuh biex hawnhekk fil-knisja t-tfal iħossuhom f’darhom. Illum għandna lil Timothy li se jitgħammed, ippreżentat mill-ġenituri tiegħu. L-appell tiegħi hu biex it-tfal iż-żgħar, mindu żgħar, inġibuhom il-knisja – bħalma ħafna fil-fatt jagħmlu f’din il-quddiesa. Jgħajtu kemm jgħajtu, inħalluhom jikkomunikaw bil-mod tagħhom, imma posthom hu hawn mhux barra mill-komunità. Irid ikollna lkoll l-attitudni ta’ Ġesù li tilqa’, li tbierek, li twassal lil kulħadd l-għożża tat-tfal fil-komunità Nisranija. Din hi żerriegħa li żgur tħalli l-frott u ġġib barka għall-familja kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju