Pope Benedict XVI

Wara t-talba tal-Angelus fir-residenza tiegħu tas-sajf Castel Gandolfo, il-Papa Benedittu XVI rrefera direttament għall-attakk terroristiku fin-Norveġja, li ħa l-ħajja ta’ kważi mitt ruħ, u qal, “Sfortunatament, reġgħet tfaċċat aħbar ta’ vjolenza u mewt”. Huwa esprima kliem ta’sogħba u wassal l-appell tiegħu lil kulħadd sabiex “jitwarrab għal dejjem is-sens ta’ mibgħeda u wieħed jaħrab mil-loġika tal-ħażen”.

Qabel l-Angelus,il-Papa Benedittu XVI irrifletta fuq l-importanza tal-kuxjenza li tevita l-ħażin u tagħmel it-tajjeb. B’referenza għall-ewwel qari taċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-ġurnata, huwa semma lis-sultan Salamun, li talab lil Alla jagħtih kuxjenza matura biex ikun jista’ jiddistingwi u jagħżel it-tajjeb mill-ħażin. Saħaq li “l-eżempju ta’ Salamun japplika għal kulħadd. Il-kuxjenza morali tippresupponi l-kapaċita li wieħed jisma l-vuċi tal-verita u jimxi magħha”.

“Fir-realta, il-kwalita vera tal-ħajja tal-bniedem u tas-soċjeta tiddependi fuq il-formazzjoni tajba tal-kuxjenza, fuq il-kapaċita tal-individwu li jagħraf it-tajjeb, li jintagħaraf mill-ħażin, sabiex tul ħajtu jasal għal dak li hu ġust u jġib il-paċi”, kompla l-Kap tal-Knisja Kattolika.

Temm jgħid li dawk kollha li għandhom iżjed responsabbilta minnoħrajn, minħabba l-impenn fil-politika, bħal ma jgħallem Salamun, “jeħtieġu iżjed l-għajnuna t’Alla”.