• *****

    Direttur:          Stephen Chbosky

    Atturi:              Julia Roberts, Owen Wilson, Jacob Tremblay, Mandy Patinkin, Daveeed Diggs, Isabela Vidovic, Gidget, Noah Jupe, Nadji Jeter, Millie Davis u Danielle Rose Russell

    Maħruġ minn KRS Releasing LTD

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Film mill-isbaħ li jlaqqagħna ma’ August “Auggie” Pullman, tifel ta’ għaxar snin li twieled bis-sindrome Treacher Collins, sindrome li kien jisfigura l-wiċċ. L-ewwel snin ta’ tagħlim għamilhom id-dar. Ommu Isabel ddedikat ħafna ħin biex tara li t-tifel fl-ewwel snin ta’ formazzjoni akkademika, ma jibqax lura.

    Iżda wasal iż-żmien li Auggie jibda jattendi skola barra mid-dar. Hawn tibda sfida serja u diffiċli għaliex fid-dar, Auggie sab l-appoġġ kollu li wieħed seta’ jixtieq: mħabba u attenzjoni kemm minn Nate, missieru, Isabel, ommu u Via, oħtu l-kbira li għalkemm hi soffriet in-nuqqas ta’ attenzjoni min-naħa tal-ġenituri tagħha, għarfet tkun ukoll ta’ appoġġ lill-ħuha fid-diffikultajiet li l-familja kellha tgħaddi. Ma kienx it-tort tagħhom għaliex Auggie għadda minn seba’ u għoxrin operazzjoni mit-twelid. Il-ġenituri ma xtaqux jissuġġettawh għal din l-isfida li jibagħtuh fi skola formali, iżda wasal iż-żmien li ħu jiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà.

    Auggie kien dejjem jippreferi jilbes elmu bhal dak li jilbsu l-astronawti biex jaħbi l-kruħa ta’ wiċċu. Issa beda żmien ġdid u fl-iskola ma kienx floku li joqgħod idur b’dan l-elmu. L-ewwel jum meta mar l-iskola ma’ tfal t’amparu, ma kienx faċli u mill-ewwel ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd.  B’xorti tajba sab l-appoġġ kollu mis-surmast, Mr Tushman li għen ħafna biex Auggie jħossu milqugħ u mill-għalliem tal-Ingliż, Mr Browne.

    Rigward l-istudenti mhux kulħadd fehem il-qagħda ta’ Auggie u l-bidu kien diffiċli ħafna  għaliex ħafna kienu jaħsbu li l-marda kienet tittieħed, li żgur ma kienx il-każ. Fi ftit ġranet kien hemm żewġ studenti li għarfu joffru l-appoġġ tagħhom: Summer, tifla ħelwa u intelliġenti u Jack Will li għamel ħbieb miegħu għalkemm kien hemm żmien li ċeda għal pressjoni ta’ sħabu u mxewwex minn Julian, il-buli tal-iskola, li għamel minn kollox biex jagħmel ħajjet Auggie diffiċli. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielu Auggie jirbaħ l-isfida bl-għajnuna tal-familja u l-appoġġ li sab fl-iskola?

    Film Amerikan, dramm bi storja tajba, taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Chbosky, kitba ta’ Jack Thorne, Steve Conrad u Chbosky, msejjes fuq in-novella, bl-istess isem, miktuba minn R. J. Palacio. Film pożittiv ħafna minħabba li mhux l-istudenti kollha għarfu jkunu ta’ appoġġ għalkemm żgur sabha fl-imħabba u l-appoġġ li l-familja, l-amministrazzjoni tal-iskola u xi studenti urew.