• *****

    Direttur:          Simon Kinberg

    Atturi:              James McAvoy, Michael Fassbender, Jennifer Lawrence, Nicholas Hoult, Sophie Turner, Tye Sheridn, Alexandra Shipp u Jessica Chastain

    Ħin tal-Film:    114 min

    Maħruġ minn KRS Releasng Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Fl-1975, Jean Grey, tifla ta’ tmien snin, bla ma xtaqet, użat il-qawwa li kellha ta’ telekinesis b’riżultat li kkawżat inċident stradali fatali li fih mietu l-ġenituri tagħha. Ftit wara l-inċident, il-Professur Charles Xavier jeħodha ġewwa skola speċjalizzata, Xavier School, għal dawk iż-żgħażagħ li kellhom kariżmi speċjali. Xavier jirnexxielu mentalment jibblokka l-inċident mill-memorja tagħha u jgħinnha taċċetta l-ħiliet psikiċi li kellha.

    Ġara li fl-1992, l-X-Men jirrispondu għal sejħa urġenti biex isalvaw l-astronawti li kienu jinsabu f’periklu kbir fuq l-ispace shuttle Endeavour. Il-periklu ġie kkawżat minn berqa solari li għamlet ħsarat kbar fil-vettura spazjali. Waqt li l-X-Men irnexxielhom isalvaw l-astronawti kollha, sfortunatament, Jean li ħarġet fl-ispazju biex isalvahom, assorbiet il-berqa solari ġewwa ġisimha. B’riżultat ta’ dan, il-qawwiet psikiċi li kellha, ġew amplifikati tant li l-blokk mentali li Xavier kien wettaq fuqha tant snin qabel, żblokka ruħu. Jean fil-fatt marret Red Hook biex tiskopri għax wara kollox missierha kien għadu ħaj. L-X-Men jagħmlu attentat biex iġibu lura lil Jean iżda sfortunatament, hi aċċidentalment toqtol numru ta’ pulizija kif ukoll lil Mystique, mutant u oħt adottata ta’ Xavier.

    Wara dan l-inċident traġiku, Jean tmur fil-gżira ta’ Genosha, fejn Magneto, mutant, li darba kien ħabib kbir ta’ Xavier u issa jinsab jgħix għal kwiet ma’ mutanti ohra rifuġjati bħalu. Jean xtaqet ħafna li Magneto jgħinha biex tikkontrolla l-qawwiet straordinarji li kellha iżda hu ma jaċċettax li jgħinha. Sadanittant, forza militari Amerikana tinżel fuq il-gżira biex tarresta lil Jean. Hi minnaħa tagħha tiltaqa’ ma’ Yuk, kap ta’ razza aljena magħrufa  bħala D’Bari li darba kienu jimmanipulaw lil Phoenix u tant snin qabel kienet hi li qerdet għal kollox il-pjaneta fejn kienu jgħammru, li hi kellha fiha l-Qawwa Phoenix. Sadanittant, Hank McCoy ħassu ttradut minn Xavier li kien immanipula l-memorja ta’ Jean. Għalhekk hu ngħaqad ma’ Magneto u l-mutanti refuġjati biex iġibu lura lil Jean minn New York City. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan li jikkonċentra fuq is-supereroj, Jean Grey, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Simon Kinberg. Film mimli azzjoni, bi storja tajba u li żżommok fuq ix-xwiek għal ħin twil. Xi xeni ta’ azzjonijiet huma tant intensiivi, bħall-inċident stradali fil-bidu tal-film, li jkun tajjeb li film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.