Pope in Paul VI audience hall

Fl-udjenza ta’ kull nhar t’Erbgħa, il-Papa Benedittu XVI dil-ġimgħa kompla bil-katekeżi tiegħu dwar il-Kredu, b’riflessjoni dwar xi jfisser li lil Alla nsejħulu Missier.

Meta kien qed jindirizza lil dawk miġbura fl-awla Pawlu VI, il-Papa rrifletta li llum mhux dejjem faċli li titkellem dwar li tkun missier. Dan speċjalment fil-Punent, fejn it-tkissir fil-familji, iż-żieda fl-impenji tax-xogħol, it-tħassib dwar kif il-familji jibbilanċjaw il-baġits tagħhom  u l-invażjoni tal-media li taljena lill-bniedem fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum qed iżommu milli jkun hemm relazzjonijiet kostruttivi u ta’ paċi bejn il-missirijiet u l-ulied.

Xi kultant, żied il-Papa, “il-komunikazzjoni issir diffiċli, tintilef il-fiduċja u r-relazzjonijiet ma’ dawk fl-irwol ta’ missier jirrendu ruħhom diffikultużi. U mingħajr mudelli adekwati ta’ referenza, anki li wieħed iħares lejn Alla bħala missier isir problematiku”, partikolarment għal dawk li sofrew min-nuqqas ta’ missier jew minn irwol awtoritarju fir-relazzjoni tal-missier lejhom.

Fil-messaġġ tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, il-Papa spjega li r-rivelazzjoni bibblika tgħin lill-individwu jegħleb id-diffikultajiet tiegħu. Dan billi tgħidilna aktar dwar Alla li jurina biċ-ċar xi jfisser li tkun ‘missier’ – missier li jħobb, paċenzjuż u li jaħfer.

Il-Papa temm jgħid li “li wieħed jemmen f’Alla li jista’ kollox, li jemmen fil-qawwa tiegħu, fil-mod tiegħu li jkun ‘Missier’, hu dejjem att ta’ fidi, ta’ konverżjoni, ta’ bidla fil-ħsieb, fl-imħabba u fil-ħajja”.

Wara l-udjenza, il-Papa kiteb messaġġ fuq Twitter u qal li “kull persuna umana hi maħbuba minn Alla l-Missier. Ħadd ma għandu jħossu minsi, għax kull isem hu mnaqqax fil-qalb tiegħu mimlija mħabba”.