L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ir-Randan hu ż-żmien ta’ mixja li aħna nagħmlu lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid li hi l-ikbar ċelebrazzjoni għalina. Hawnhekk, fil-kelma tiegħu fl-Evanġelju llum, Ġesù jurina tliet affarijiet importanti u ta’ għajnuna tul din il-mixja li se nagħmlu matul ir-Randan. Isemmi s-sawm, it-talb u l-karità.

Bis-sinċerità tal-qalb

Jgħid ħaġa tant importanti għat-tlieta li huma: li aħna, jekk se nsumu, se nitolbu u se nagħtu karità, ma nagħmlux dan biex nidhru, għal wiċċ in-nies. Jekk nagħmluhom għal wiċċ in-nies, ma jkollhomx skop la fi żmien ir-Randan u lanqas matul is-sena kollha. Imma għandna nagħmluhom bis-sinċerità tal-qalb, quddiem Alla, u kif jgħidilna Ġesù: “Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”. Għax Alla jara l-qalb, mhux il-faċċata. Lil Alla qatt ma nistgħu nimpressjonawh b’xi ħaġa li nagħmlu. Hu biss bis-sinċerità tal-qalb miftuħa għalih li Alla jista’ jiltaqa’ magħna.

Alla xi jrid minni?

Nixtieq li naraw ħaġa waħda importanti f’dawn it-tlieta, li huma ta’ għajnuna kbira matul ir-Randan, jiġifieri s-sawm, it-talb u l-karità; li meta naħsbu fihom, flok nitilqu minn moħħna – x’se nagħmlu aħjar f’dawn? – nistaqsu: Alla xi jrid minna b’dawn?

Ara d-differenza. Ħu s-sawm. Nafu li rridu nsumu llum u l-Ġimgħa l-Kbira. Imma s-sawm ifisser ukoll iċ-ċaħda. Issa jien nista’ ngħid: fiex se nagħmel ċaħda? U nagħżel fiex. Imma isbaħ ikun jekk nistaqsi: quddiem Alla x’jurini li hemm bżonn niċċaħħad minnu? Għax forsi b’moħħi biss nasal għal xi ħaġa, imma jekk niftaħ qalbi għal Alla, hu jurini xi ħaġa iktar fil-fond. Ma tkunx biss tiċċaħħad minn xi ħaġa li tiekol, avolja din hi meħtieġa wkoll; pereżempju, iċ-ċaħda mill-ħelu hi ta’ għajnuna kbira u mhijiex xi ħaġa tat-tfal, għall-kbar ukoll, u forsi ġieli tiswa aktar ta’ ġid għall-kbar! Imma Alla jgħidli: apparti dan, għax ma tiċċaħħadx minn xi kliem żejjed? Jew minn ħafna affarijiet li aħna nimlew moħħna u qalbna bihom, kif isemmi l-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għar-Randan? Agħmel ftit ħin fis-skiet u ċċaħħad mid-diskors jew minn affarijiet oħra. Għalhekk nistaqsu Alla x’jurina.

L-istess fit-talb tagħna. Altru ngħid: x’talba se nżid matul ir-Randan, ma’ dawk li ngħid is-soltu, biex inkun qed nitlob iżjed? U altru ngħid: Alla xi jrid minni? Kieku jien niskot quddiemu u nħalli lilu jitkellem, hu jurini aktar kemm hu djalogu sabiħ meta jitkellem hu u nisma’ jien, qabel ma nitkellem jien u jisma’ hu.

L-istess il-karità. Nista’ ngħid: nagħti xi ħaġa lil dan, xi ħaġa għall-missjoni. Kollha affarijiet tajbin ħafna. Imma nista’ nistaqsi: Alla fiex iridni nkun aktar ta’ mħabba u ta’ karità lejn l-oħrajn? Jista’ jkun hemm affarijiet oħra apparti dawn. Pereżempju, li nisma’ lil xi ħadd. Tgħidli: dik karità? Iva, kultant l-akbar karità hi li toqgħod tisma’ għax xi ħadd għandu bżonn jiftaħ qalbu; li tisma’ u tista’ tgħid kelma ta’ ġid.

L-isbaħ mixja

Għalhekk nitolbuh f’dan ir-Randan biex f’dawn it-tliet affarijiet li semma Ġesù – is-sawm, it-talb u l-karità – jurina hu dak li hu l-aktar meħtieġ għall-ħajja tagħna, mhux sempliċiment naħsbu aħna biex nagħmlu xi ħaġa. Hu b’dal-mod li aħna nistgħu tassew niġġeddu fil-ħajja tagħna. Din tkun l-isbaħ preparazzjoni, l-isbaħ mixja lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid.

Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ għar-Randan ta’ din is-sena, iħeġġiġna biex niġġeddu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. Dawn ġejjin minn Alla. Aktar ma tkun qalbna miftuħa għalih, aktar jista’ jħeġġiġna f’dawn. Alla jgħinna nagħrfu kif dan iż-żmien tar-Randan ikun żmien ta’ grazzja għalina, għax hu jurina kif nistgħu niċċaħħdu aktar, kif nistgħu nitolbu aħjar, u kif nistgħu nagħmlu karità u nuru mħabba akbar, kif jixtieqna hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju