L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa. Id-diskors beda meta xi ħadd mill-folla talab lil Ġesù biex jgħid lil ħuh jaqsam il-wirt miegħu. U Ġesù qallu li ma jidħolx fin-nofs f’affarijiet familjari, ma jkunx l-imħallef tagħhom Ġesù. Imma mbagħad idur lejn in-nies u jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwiekom minn kull regħba”.

Dan li qed jgħid Ġesù jgħodd għal żmienna? Dażgur li jgħodd! U għal min qed jgħid Ġesù hawnhekk? Ġesu qed jgħid “iftħu għajnejkom” lilna lkoll. Dan hu messaġġ li jgħodd għalina lkoll, għax aħna lkoll irridu niftħu għajnejna u noqogħdu attenti mir-regħba. Ir-regħba tfisser dik il-kilba biex ikollok, u jkollok aktar u aktar flus u proprjetà, u taħseb li għax ikollok aktar, tkun aktar kuntent.

Nafu li r-regħba twassal ukoll għal ħafna ħsara fis-soċjetà u ħafna ħsara lin-nies. Tista’ twassal għall-korruzzjoni, għad-diżonestà. Tista’ twassal għall-qerda tal-ħolqien ta’ Alla – kultant biżżejjed tħares madwarek u tara anke monumenti lir-regħba, li jwasslu għal ħsara fl-ambjent u n-nies ma tkunx tista’ tgawdi l-ambjent.  Ir-regħba tista’ twassal ukoll għal konflitti, anke konflitti familjari; hawn Ġesù għandu fl-Evanġelju dal-każ ta’ konflitt familjari fuq wirt, u nafu kemm il-wirt jista’ jaqsam familji u joħloq firdiet li jdumu hemm is-snin, għax ikun hemm min jintrikeb mir-regħba.

Imma l-messaġġ ta’ Ġesù huwa dan: anke jekk ir-regħba ma tagħmilx ħsara lil ħaddieħor, jekk int tintrikeb mir-regħba tagħmel ħsara lilek innifsek. Dan hu messaġġ importanti fl-Evanġelju. Għax ir-regħba ġġegħilna naħsbu li ħajjitna tiddependi mill-ġid li għandna, u li għalhekk iktar ma jkollna, iktar inkunu aħjar. Kultant minħabba f’hekk il-flus jiġu għan flok mezz. Hawn Ġesù jsemmi l-każ ta’ dan ir-raġel li kellu l-imħażen imma l-frott li kellu kien ħafna. U qal: x’nagħmel? Inħott l-imħażen, nibni l-ġodda, “imbagħad ngħid lili nnifsi… strieħ, kul, ixrob, ixxala!” (Lq 12:19) Ġesù jgħid: li ma kienx jaf dal-bniedem hu li ħajtu kienet waslet fit-tmiem, u dak kollu li kellu kien se jgħaddi għand ħaddieħor.

Għalhekk hu importanti li nieħdu bis-serjetà l-kliem ta’ Ġesù. Hu jgħidilna mhux biss “ħarsu rwiekom minn kull regħba”, imma jekk kelma oħra importanti ma’ din: li aħna nistagħnu quddiem Alla (ara Lq 12:21). X’jiġifieri nistagħnu quddiem Alla? Ifisser li b’dak li nagħmlu u bil-mod kif nużaw il-ġid, inkun qegħdin nagħmlu dak li jrid Alla. Alla jrid li aħna nieħdu ħsieb il-ħajja tagħna personali u tal-familja tagħna, u naħdmu biex ikun hemm ħajja deċenti għalina u għall-familja tagħna. Dik hi importanti. Imma jrid ukoll fl-istess waqt li aħna naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn, u magħna jgawdu wkoll dawk li huma fil-bżonn u għandhom il-meħtieġ nieqes fil-ħajja. B’dal-mod li aħna nkunu qed nistagħnu quddiem Alla.  

Irridu niftakru – dan joħroġ ċar mill-Evanġelju tal-lum – li meta l-Mulej isejħilna, m’aħna se nieħdu xejn magħna minn dak kollu li ġbarna jew akkumulajna tul is-snin. Dan kollu jgħaddi għal ta’ warajna, u jalla ma joħloqx ġlied u konflitti għal ta’ warajna. Magħna ma neħdux il-ġid li nkunu akkumulajna, imma nieħdu l-ġid li nkunu għamilna. Dak iva, dak neħduh magħna, u b’dal-mod nistagħnu quddiem Alla. Nitolbu llum lill-Mulej biex jgħinna ħalli aħna nħarsu rwieħna minn kull regħba, nużaw il-flus mhux bħala għan imma bħala mezz biex aħna wkoll nistagħnu quddiem Alla, u nużaw il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju